Il-Kummissjoni Djoċesana għaż-Żgħażagħ (KDŻ) saħqet li s-suġġett tal-abort mhux taboo iżda għandu jiġi diskuss “fid-dawl tal-verità.”
Fi stqarrija, il-KDŻ uriet id-dispjaċir tagħha għall-fatt li ħadd mill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li tirrappreżenta ma kienu parti fis-sessjoni tal-bieraħ tal-Parlament taż-Żgħażagħ u li matulha tqajmet il-kwistjoni tal-abort.
Il-Kummissjoni saħqet li l-ħajja għandha tkun protetta sa mill-konċempiment sal-mewt naturali tal-bniedem u ħeġġet lis-soċjetà kollha biex tiftakar li l-abort huwa proċedura li jmur kontra dan il-prinċipju bażiku tad-dritt għall-ħajja.
Minkejja li ma kinitx parti mill-Parlament taż-Żgħażagħ, il-KDŻ xorta waħda ħareġ lista ta’ proposti.
Fost dawn, ħeġġet lill-instituzzjonijiet Maltin biex jorganizzaw programmi edukattivi li jgħinu żgħażagħ jifhmu l-konsegwenzi li jġib l-abort mhux biss fuq il-ħajja personali tagħhom iżda anke fuq il-wild mhux imwieled.
Ħeġġet li jkun hemm iżjed edukazzjoni dwar is-saħħa sesswali li mhux ibbażata biss fuq l-aspett fiżiku tas-sesswalità iżda anke fuq perspettivi emozzjonali, psikoloġiċi, spiritwali u morali.
Fl-aħħar nett, ħeġġet żgħażagħ oħra li jafu koppji żgħar u żgħażagħ oħra li għaddew mill-abort biex ma jagħtuhomx il-ġenb iżda biex ikunu viċin tagħhom u anke biex jinformaw lil dawk li għadhom ma fehmux li l-abort iċaħħad lit-tifel u t-tifla mid-dritt l-iżjed bażiku: id-dritt tal-ħajja.
//= $special ?>