Elezzjoni Kap PN Lokali

Il-messaġġ ta’ Chris Said lit-tesserati tal-PN

Permezz ta’ stqarrija lill-mezzi tax-xandir Chris Said, kandidat għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista , tenna l-messaġġ tiegħu lit-tesserati tal-Partit.

Sostna li hi meħtieġa bidla radikali b’għaqal. Sostna li rridu nbiddlu mill-qiegħ imma ma nħottux knisja biex nibnu kappella, sostna Said.

Qal li s-Sibt t-tesserati se jagħżlu l-Kap il-ġdid tal-Partit u dik hi responsabilita’ qawwija. “Bħal kull għażla importanti fil-ħajja, trid tittieħed bi ħsieb, b’għaqal u billi nħarsu fit-tul. Qed inpoġġi l-karti kollha fuq il-mejda. Kull tesserat fid-dmir ikun jaf fejn hu miegħi. Mis-17 ta’ Settembru ‘l quddiem, irrid partit modern, organizzat, effettiv, ippreparat intellettwalment li kapaċi jissieħeb fid-djalogu mal-poplu” sostna Chris Said.

Qal li rridu norganizaw il-Partit minn isfel nett, it-tesserati u l-Kumitati, saff saff ‘il fuq, b’mod fejn kulħadd iħossu imsieħeb u mhux imwarrab. Qal li jrid ibiddel il-partit mill-qiegħ. Imma mhux inħottu knisja biex nibnu kappella. Il-Kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjnalista Chris Said kompla l-istqarrija tiegħu billi qal li jrid partit li bih fil-gvern, tista’ tasal – mhux biex tieħu dak li ħaqqek jaqalawlek qalbek; Irid partit li qalbu terġa’ mill-ġdid tkun mal-ħaddiema; Irid partit li mill-gvern jagħti appoġġ finanzjarju lill-anzjani tagħna;

“Jien irrid partit li mill-gvern jinċentiva mhux jagħmel il-ħajja tas-self employed diffiċli;
Irrid partit li mill-gvern jiġġieled il-kriminalità bis-serjetà; Irrid partit li l-aġenda jiddeċidiha hu u hu biss – ħadd aktar” kompla jgħid Said.

Said qal anke li hekk kif is-Sibt filgħaxija jitħabbar ir-riżultat, hu se jaqbad id sħabu li kkontestaw l-elzzjoni ta’ Kap u jitlob li jitgħannqu flimkien u li jġibu l-partitarji tagħhom wkoll id’ f’id u jifhmu li fl-għaqda hemm is-saħħa.

“Minn issa inwiegħed li jien irrid naħdem ma’ kulħadd, anke ma’ dawk li xtaqu kandidat ieħor isir Kap. Jien niggarantixxi spazju għal kull min irid jaħdem u nassigura li kulħadd joffri u jagħti l-intelligenza, it-talenti u l-ħidma tiegħu favur it-twettiq tal-istrateġija u l-politika tal-partit. Dan kollu nagħmluh mingħajr ma nsiru kopja tal-Labour. Mingħajr ma narmu l-identità tal-partit taghna li tant hadem ghaliha Eddie Fenech Adami” saħaq Chris Said li temm l-istqarrija jgħid li bħala Kap tal-partit irid l-għaqda għaliex magħqudin nissaħħu, niġġeddu u nirbħu. Sostna wkoll li ġej żmien sabiħ għall-partit filwaqt lii tenna r-ringrazzjament tiegħu għall-fiduċja.