Elezzjoni Kap PN Lokali

Illum id-dibattitu bejn il-kandidati għal Kap tal-PN

U jkompli l-ġbir tad-dokumenti tal-vot mid-Dar Ċentrali u minn Ta' Sannat

Hekk kif l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista qed tkompli toqrob, illum se jsir id-dibattitu bejn iż-żewġ kandidati għal Kap tal-PN, jumejn qabel l-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt.

Adrian Delia u Chris Said huma ż-żewġ kandidati li se jmorru għall-vot tat-tesserati wara li rnexxielhom jiksbu l-akbar ammont ta’ voti f’elezzjoni oħra li saret aktar kmieni minn fost il-membri tal-Kunsill Ġenerali.

Id-dibattitu, li se jitmexxa minn Jes Saliba, se jsir illejla fid-9pm u se jixxandar live fuq NET Television u Radio 101. Fuq Facebook, Jes Saliba qal li l-format tad-dibattitu tal-lejla hu xprunat mill-idea li jkun hemm diskussjoni bejn Adrian Delia u Chris Said. “Il-mistoqsijiet huma riżultat ta’ sigħat ta’ laqgħat u taħdidiet li kelli f’dawn l-aħħar jiem, m’għadd ta’ nies li esprimew numru ta’ ħsibijiet dwar liema triq għandu jieħu l-Partit Nazzjonalista minn nhar it-Tnejn,” kiteb Saliba fuq Facebook.

Intant, matul il-ġurnata llum ikompli l-ġbir tad-dokumenti tal-vot mid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà u mis-Sub-headquarters f’Ta’ Sannat. Il-ġbir mid-Dar Ċentrali jkompli għaddej sas-6 tal-lejla, filwaqt li d-dokumenti f’Għawdex jistgħu jinġabru bejn is-1pm u s-6pm.

Sal-bieraħ inġabru aktar minn 13,500 vot tat-tesserati tal-Partit Nazzjonalista li nhar is-Sibt se jkunu jistgħu jivvutaw biex ikun elett Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Sadanittant, għada l-Ġimgħa fis-7.30pm fid-Dar Ċentrali, jingħata bidu għall-Konvenzjoni Ġenerali bl-aħħar diskors ta’ Simon Busuttil bħala Kap tal-Partit, biex imbagħad, is-Sibt issir l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

S’issa nġabru aktar minn 13,500 dokument, għada l-aħħar ċans biex tiġbor id-dokument tal-vot