Internazzjonali

Ir-Russja tibda l-eżerċizzju tal-gwerra ‘Zapad’ mal-Belarus

Ir-Russja u l-Belarus bdew eżerċizzju militari konġunt fuq skala kbira, bl-isem Zapad-2017, meta dan l-impenn qed jinkwieta sew lill-pajjiżi tan-NATO.

L-eżerċizzju – jew war game – hu l-akbar tat-tip tiegħu mindu r-Russja kienet għaqqdet il-peniżola Ukrena tal-Krimea mat-territorji tagħha, fl-ewwel xhur tal-2014.

Il-Ministeru tad-Difiża Russu qal li madwar 13,000 suldat qed jieħdu sehem f’’Zapad’, iżda s-sorsi tan-NATO jissuspettaw li l-ammonti tal-militar huma, fil-fatt, akbar.

L-aħħar rapporti qalu li l-eżerċizzji tal-gwerra kienu għaddejjin ‘fil-Belarus u l-madwar’ u kienu qed jinvolvu tankijiet u vetturi armati, flimkien ma’ ajruplani u bastimenti tal-gwerra.

Il-President tal-Ukrajna, Petro Poroshenko, wissa li Zapad-2017 kapaċi jkun il-preludju għall-invażjoni ta’ pajjiżu mill-qawwiet Russi. Dan meta l-Gvern fi Kiev iddeċieda li jżid is-sigurtà mal-fruntieri tal-Ukrajna.

Is-separatisti armati fl-Ukrajna li qed jappoġġjaw lir-Russja jikkontrollaw numru ta’ zoni lejn il-Lvant tal-pajjiż u l-konfronti kontinwi bejnhom u s-suldati tal-Gvern Ukren jidhru li dgħajjfu l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied li kien iffirmat f’Minsk ( fil-Belarus) fi Frar tal-2015.

In-NATO qed takkuża lir-Russja b’li qed tipprovdi r-reinforzi flimkien ma’ armamenti ta’ kalibru kbir lir-ribelli fl-Ukrajna. L-awtoritajiet f’Moska, sadanittant, qed jiċħdu dwar dan iżda, fl-istess ħin, ammettew li xi ‘voluntiera’ Russi qegħdin jgħinu lir-ribelli fit-territorji Ukreni.

L-Alleanza tan-NATO, fl-aħħar jiem, stazzjonat erba’ battlegroups – li jammontaw għal total ta’ 4,530 suldat – fil-Polonja, l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja, li jaqsmu fruntiera mal-Belarus u r-Russja.