Elezzjoni Kap PN Lokali

Jagħlaq il-ġbir tal-voti: B’kollox jinġabru aktar minn 15,000 dokument tal-vot

Se jkunu 15,000 persuna li nhar is-Sibt li ġej se jkunu eleġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan hekk kif b’kollox inġabru ftit iktar minn 15,000 dokument tal-vot meta llejla għalaq dan il-proċess.

B’kollox hemm madwar 18,000 tesserat tal-Partit Nazzjonalista li kienu eleġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt, u minn dawn kienu 15,000 li ġabru d-dokument tal-vot mid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà.

Fl-aħħar jiem inġabru eluf ta’ dokumenti tal-voti oħra, proċess li sar ukoll f’Għawdex permezz tas-sub-headquarters f’Ta’ Sannat.

Iċ-ċifra ta’ ftit aktar minn 15,000 dokument tal-vot miġbura tinkludi wkoll 2,596 persuna li vvutaw fil-votazzjoni kmieni ta’ nhar is-Sibt li għadda.