Sport Waterpolo

Joseph Sammut jingħaqad ma’ Sliema ASC

Joseph Sammut (nofs) flimkien mal-President Frank Testa u d-Direttur Tekniku John Soler

Minkejja li l-istaġun lokali tal-Waterpolo spiċċa ftit ġimgħat ilu, Sliema diġà qed jippreparaw sew għall-istaġun li ġej, bit-tama li jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat u jippruvaw jirbħu l-ewwel kampjonat mill-2009, xi ħaġa li għall-klabb bħal Sliema hu wisq.

Is-Slimiżi akkwistaw lill-gowlkiper Joseph Sammut fuq kuntratt ta’ ħames snin. Sammut li fil-passat lagħab ma’ Sirens, kien strumentali fis-suċċess li San Ġiljan kisbu meta kienu rritornaw għar-rebħ tal-unuri wara nuqqas ta’ 20 sena. F’dan l-istaġun ingħaqad b’self ma’ Otters iżda kien sfortunat minħabba li weġġa’.

F’kumment lil dan is-sit, Sammut irringrazzja lill-kumitat ta’ San Ġiljan li emmnu fih u lill-partitarji ta’ San Ġiljan li trattawh bħal familja. “Ma ninsa qatt il-memorji sbieħ ta’ sentejn ta’ suċċess kbir ma’ dan il-klabb. Imiss issa sfida oħra u nwiegħed li nagħti aktar minn 100% biex nerġa’ nġib lura t-tazzi għall-klabb bl-ikbar storja fil-waterpolo lokali, il-klabb glorjuż ta’ Sliema,” temm jgħid Joseph Sammut.