Internazzjonali

L-Iraq: Għexieren ta’ mejtin f’attakk ieħor tal-ISIS

Rapporti li deħlin mill-Iraq irreferew għal ‘talanqas 50 mejtin’ waqt żewġ attakki li seħħew fin-nofsinar tal-pajjiż.

Fl-ewwel attakk, aggressur suwiċida tajjar l-isplussivi li kellu fuqu waqt li persuni armati fetħu n-nar ġo ristorant qrib ta’ Nasiriya, il-kapitali tal-provinċja ta’ Dhiqar.

It-terrur kien segwit minn splużjoni ta’ karozza-bomba qrib ta’ checkpoint fil-viċinanzi.

Sorsi li qalu li jirrappreżentaw lill-ISIS assumew responsabbiltà għall-attakki. Dan meta qed jingħad li l-mejtin jinkludu numru ta’ Iraqqin. Sadanittant, hemm ‘il fuq minn 80 midruba fl-attakki, biċ-ċifra tal-mejtin mistennija titla’.

L-ISIS sofrew numru ta’ telfiet fuq il-kampijiet tal-battalja fl-Iraq u s-Sirja iżda xorta kapaċi jattakkaw miri li mgħandhomx id-difiżi adekwati fiż-żewġ pajjiżi.