Żagħżugħ ta’ 22 sena intbagħat tliet snin u nofs ħabs wara ħames xhur biss barra, wara li nstab ħati li seraq jew prova jisraq minn 22 karozza u li għamel ħsara, jew prova jagħmel ħsara, fuq uħud minnhom.
Shaun Caruana ta’ 22 sena minn Raħal Ġdid ammetta l-akkużi kollha kontrih, u quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale spjega li għandu problema ta’ droga u ta’ xorb. Il-Qorti semgħet kif malli ħareġ mill-ħabs, iż-żagħżugħ kien qed jgħix barra t-triq, bla xogħol u bla flus, u kien għalhekk li kkommetta r-reati biex ikun jista’ jgħix.
“Nixtieq insib xogħol, emminni”, qal iż-żagħżugħ lill-Maġistrat, waqt li spjegalu d-diffikultà biex jgħix fil-ħames xhur li kien ilu barra l-ħabs. “Ma nafx ngħix… ħadd m’għallimni”, żied jispjega. Id-difiża tal-akkużat żiedet tgħid lill-Qorti li ż-żagħżugħ irid jirriforma ruħu.
Minn 16-il karozza, iż-żagħżugħ seraq total ta’ €835, f’ammonti li jvarjaw. Minn karozza partikolari, iż-żagħżugħ seraq €5; minn karozza oħra seraq €10. Hu ammetta wkoll li seraq numru ta’ oġġetti minn karozzi oħra, fosthom mobile phone, għodda, u dokumenti.
Min-naħa tagħha, il-Qorti qalet li r-reati kommessi miż-żagħżugħ kienu ħafna, u wasslu għal inċertezza fis-soċjetà. Kien għalhekk li l-Qorti ordnat li ż-żagħżugħ jintbagħat tliet snin u nofs ħabs waqt li ordnat ukoll lill-awtoritajiet tal-ħabs sabiex jagħmlu dak kollu meħtieġ biex iż-żagħżugħ ikun mgħallem sengħa ħalli jkun jista’ jintegra lura fis-soċjetà u jsib xogħol meta joħroġ mill-ħabs.
Is-serq jew l-attentati ta’ serq saru f’numru ta’ lokalitajiet, fosthom fil-Ħamrun, fil-Pietà, f’Santa Venera u fil-Marsa.
//= $special ?>