L-attur Amerikan veteran, Frank Vincent, li hu magħruf għar-rwol tiegħu fis-sensiela televiżiva The Sopranos kif ukoll għall-karattri li interpreta f’numru ta’ films tad-direttur, Martin Scorsese, miet fl-età ta’ 78 sena. Ir-rapporti qalu li Vincent sofra l-kumplikazzjonijiet waqt kururġija fil-qalb li kienet qed issirlu fi sptar ta’ New Jersey.
F’The Sopranos – produzzjoni tal-kumpannija HBO – Vincent jinterpreta r-rwol ta’ Phil Leotardo, li hu wieħed mill-avversarji tal-karattru ewlieni ( fis-sensiela) Tony Soprano, interpretat mill-mibki attur James Gandolfini.
Frank Vincent jibqa’ mfakkar ukoll għall-interpretazzjoni ta’ diversi ‘karattri ħorox’ fi produzzjonijiet ta’ Scorsese għaċ-ċinema, bħal Raging Bull, Goodfellas u Casino.
Fil-fatt, il-karriera ta’ Vincent, li damet 41 sena, ibbażat l-aktar fuq karattri tal-mafja, b’mod partikulari fil-film Goodfellas, tal-1990, fejn hu qaxxar il-parti ta’ Billy Batts, li kien spiċċa maqtul brutalment mill-karattru Tommy DeVito, interpretat minn Joe Pesci.
Frank Vincent kien anki mużiċista, komiku, produttur u l-awtur ta’ A Guy’s Guide to Being a Man’s Man.
//= $special ?>

