Lokali

Pulizija akkużati b’allegat każ ta’ razziżmu fuq raġel ta’ karnaġġjon skur

Allegat każ ta’ razziżmu minn membri tal-Korp tal-Pulizija, hekk kif raġel ta’ karnaġġjon skur qed jallega li Pulizija talbuh talbuh il-Karta tal-Identità waqt li kien f’bajja f’Birżebbuġa.

Fuq Facebook, ir-raġel, li hu negozjant, qal li marru fuqu tliet membri tal-Korp, li qalulu li dak li kienu qed jagħmlu miegħu kien skont proċedura ma’ kull barrani. Madankollu, Saleh Ahmed innota li l-Pulizija ma kellmux lil barranin oħrajn li kienu ta’ kulur differenti minn tiegħu.

Saleh kompla li hemm bżonn li din l-attitudni tinbidel, hekk kif persuni ta’ karnaġġjon skur qed jgħaddu minn umiljazzjoni pubblika minkejja li uħud minnhom huma Maltin li jgħixu f’pajjiżna stess mal-familja tagħhom.

Sostna li mhux kull persuna ta’ kulur differenti hu kriminali u għalhekk, il-Pulizija għandha tfittex lil dawk li jiksru l-Liġi minflok lil min hu innoċenti.

Il-Lecturer fl-Università ta’ Malta Maria Pisani qalet lil The Times of Malta li f’Malta hawn diskriminazzjoni bejn in-nies, filwaqt li sostniet li dan hu illegali u jmur kontra d-drittijiet bażiċi tal-bniedem. B’hekk, kompliet li hemm bżonn tittieħed azzjoni ħalli kulħadd jibda jitqies indaqs.

Min-naħa tagħha, id-Direttur tas-Servizzi tar-Refuġjati Katrine Camilleri qalet li dan l-aħħar, il-Pulizija kellhom numru ta’ rapporti aktar mis-soltu biex ifittxu lill-immigranti biex ikunu ċerti li dawn qed jaħdmu skont il-Liġi.