Il-Ġermanja qabżu lill-Brażil u telgħu jokkupaw l-ewwel post tar-rankings mondjali tal-FIFA. Dan wara li matul ix-xahar ta’ Settembru rebħu żewġ partiti mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018, kontra r-Repubblika Ċeka u kontra n-Norveġja.
Fl-istess waqt il-Brażil kisbu draw kontra l-Kolombja. Ta’ min jiftakar li filwaqt li l-Ġermanja qegħdin ferm viċin li jikkwalifikaw għall-fażi finali l-Brażil huma wieħed mill-ftit timijiet li s’issa diġa’ għaddew għat-Tazza tad-Dinja.
Ta’ min jiftakar ukoll li matul dan is-sajf il-Ġermanja rebħu t-Tazza tal-Konfederazzjonijiet u sena oħra se jippruvaw jiddefendu t-Tazza tad-Dinja li kienu rebħu fl-2014 fil-Brażil.
Fit-tielet post ta’ dawn ir-rankings wieħed isib lill-Portugall li avanzaw tliet pożizzjonijiet. Fir-raba’ post hemm l-Arġentina, pajjiż li qiegħed f’riskju kbir li ma jikkwalifikax għat-Tazza tad-Dinja. Tim li reġa’ jinsab mal-ewwel ħamsa hu dak tal-Belġju wara li dawn rebħu 9-0 kontra Ġibiltà u 2-1 kontra l-Greċja.
Il-Lussemburgu, wara li kisbu draw 0-0 sorprendenti kontra Franza avanzaw 35 pożizzjoni. L-Ingilterra niżlu fil-15-il pożizzjoni filwaqt li t-Taljani niżlu ħames pożizzjonijiet biex issa qegħdin fis-17-il post.
Malta, wara t-telfiet kontra l-Ingilterra u l-iSkozja niżlet fil-191 pożizzjoni. L-impenn li jmiss ta’ Malta hu fil-5 ta’ Ottubru kontra l-Litwanja.
//= $special ?>