Il-pajjiżi-membri tal-UE kellhom reazzjoni bierda għall-ideat ambizzjużi tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, li kienu elenkati fid-diskors ‘state of the union’ tiegħu ta’ nhar l-Erbgħa.
L-ewwel doċċa kiesħa waslet mingħand il-Prim Ministru tad-Danimarka, Lars Lokke Rasmussen, li warrab l-idea ta’ Juncker dwar ‘Super-Presidenza’ li tgħaqqad il-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, li fil-preżent hu mmexxi mill-politiku Pollakk, Donald Tusk.
Rasmussen, x’aktarx, li qed jirrifletti s-sentimenti ta’ ħafna mexxejja li jqisu r-rwol ta’ President tal-Kunsill Ewropew bħala kontro-bilanċ għall-isforzi taċ-ċentralizzazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea.
Mill-banda l-oħra, Rasmussen appoġġja proposti oħra ta’ Juncker rigward it-tisħiħ tal-kummerċ tal-UE.
Sadanittant, il-Prim Ministru tal-Olanda, Mark Rutte, lanqas ma laqa’ l-proposti ta’ Juncker u sostna mal-ġurnalisti li l-Mexxej tal-Kummissjoni Ewropea għandu ‘l-ideat romantiċi’.
Minbarra l-idea ta’ Super-Presidenza, Juncker anki propona li jkun hemm Ministru tal-Finanzi u għall-Ekonomija taz-zona ewro.
Iżda, f’dan il-każ, l-idea ta’ Juncker mhix li l-President tal-Eurogroup – il-Ministru tal-Finanzi attwali, Jeroen Dijsselbloem – jimla dan ir-rwol, meta hu qed jissuġġerixxi li kummissarju tal-UE għandu jaġixxi bħala l-Ministru tal-Finanzi taz-zona ewro.
Intant, Jean-Claude Juncker kiseb xi appoġġ għall-ideat tiegħu dwar iz-zona ewro u għall-impenn tiegħu biex l-Istati membri tal-UE li mhumiex imsieħba fl-ewro, isiru parti mill-grupp ta’ pajjiżi li qed jużaw il-munita komuni sal-2019.
//= $special ?>


