Lokali Qorti

Sena ħabs għal raġel li ħoloq paniku f’għassa tal-Pulizija

Il-Qorti bagħtet raġel li ħoloq paniku f’għassa tal-Pulizija sena ħabs.

Quddiem il-Maġistrat Joseph Compagno ta’ 35 sena minn Birkirkara ammetta l-akkużi kontrih, fosthom li weġġa’ jew hedded uffiċjali tal-Pulizija fl-għassa tal-Imsida, li qal kliem oxxen fil-pubbliku, li kiser il-paċi pubblika, li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, u li kien fis-sakra b’mod li ma setax jieħu ħsieb tiegħu nnifsu.

Waqt li ammetta għall-akkużi kontrih, quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, ir-raġel qal li għandu problema ta’ xorb, tant li meta jibda ma jkunx jista’ jieqaf. Hu żied li prova jibda programm ta’ rijabilitazzjoni tal-anqas tliet darbiet, iżda dejjem waqqfu għax spiċċa dejjem jintbagħat il-ħabs.

Wara li rat iċ-ċirkostanzi kollha, il-Qorti sabet lill-akkużat ħati tal-akkużi kollha kontrih, waqt li ordnat lill-awtoritajiet tal-ħabs biex jagħtu l-għajnuna kollha lill-akkużat biex jegħleb il-problema tal-alkoħol, u biex jibagħtuh programm ta’ rijabilitazzjoni mill-aktar fis.