Internazzjonali

Theddid aħrax mill-Korea komunista kontra l-Ġappun u l-Istati Uniti

 

Aġenzija ewlenija tal-Korea komunista qed thedded dwar l-użu ta’ armi nukleari ‘li se jgħarrqu lill-Ġappun’ minbarra li huma intiżi biex ‘idaħħlu lill-Istati Uniti f’era ta’ qerda u dlam’.

Ir-reazzjoni tal-Kumitat għall-Paċi fl-Asja u l-Paċifiku – li jieħu ħsieb il-propaganda u r-relazzjonijiet barranin tal-Korea ta’ Fuq – ingħatat wara li l-Istati Uniti u l-Ġappun appoġġjaw l-aħħar riżoluzzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex jitressqu sanzjonijiet ġodda għar-reġim fi Pyongyang, minħabba l-aħħar provi nukleari tal-Koreani komunisti.

Dan il-Kumitat sejjaħ ukoll ‘għax-xoljiment tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU’ u fisser il-Kunsill bħala ‘strument tal-ħażen xprunat mill-pajjiżi mixtrija li qed jimxu skont id-direttivi tal-Istati Uniti’.

Il-Kumitat ta’ Pyongyang – permezz ta’ stqarrija ċirkulata mill-aġenzija tal-aħbarijiet KCNA tal-Korea ta’ Fuq – qal li ‘il-gżejjer (Ġappuniżi) tal-arċipelago għandhom jisfaw mgħarrqin mill-bomba nukleari (tal-Korea komunista) u meta mhemmx aktar ħtieġa li l-Ġappun jeżisti aktar f’dak ir-reġjun’.

Il-kummenti komplew iżidu mat-tensjoni fl-Asja mindu l-Korea ta’ Fuq wettqet is-sitt prova nukleari – u l-aktar waħda qawwija mill-pajjiż – fit-3 ta’ Settembru. Il-prova segwiet sensiela ta’ provi missilistiċi, fejn missila partikulari kienet għaddiet minn fuq il-Ġappun.

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, fil-bidu tal-ġimgħa, ivvota unanimament fuq riżoluzzjoni li għaddiet l-Istati Uniti kif ukoll għal round ġdid ta’ sanzjonijiet li jillimitaw il-provvisti tal-fuel għall-Korea ta’ Fuq, minbarra li jipprojbixxu l-esportazzjoni tat-tessuti mill-istess pajjiż.

U issa, il-Korea komunista qed tirritalja b’aktar kummenti aggressivi wara li l-Kunsill tas-Sigurtà – bl-appoġġ tar-Russja u ċ-Ċina – qabel dwar ir-riżoluzzjoni u s-sanzjonijiet inkwistjoni.