Żewġ Rumeni qed jgħinu lill-Pulizija dwar ċirku ta’ Rumeni li qed jinfirex f’żoni turistiċi bl-iskop preċiż li jinsterqu turisti u persuni oħrajn aljenati jew vulnerabbli.
Il-ġurnal in-Nazzjon żvela li każ tipiku seħħ ilbieraħ filgħodu meta fl-inħawi tal-Mosta – preċiżament qrib ir-Rotunda– kien hemm tliet persuni Rumeni jitħalltu man-nies, l-aktar mat-turisti li jittieħdu jaraw dan it-tempju maestuż u bi storja kif ukoll il-pjazza tal-Mosta.
Kien innutat li dawn ir-Rumeni kienu qed iduru man-nies u jaħtfu kull okkażjoni li tiġihom biex jisirqu mill-bwiet tan-nies jew minn handbags.
Inċidentalment pulizija li kienu fl-inħawi għokruhom għajnhom u segwew diskretament dak li kienu qed jagħmlu dawn ir-Rumeni u meta s-suspett tagħhom avvera ruħu, il-Pulizija ddeċidiet li tattakka lill-ħallelin.
Fil-fatt il-Pulizija rnexxielhom jarrestaw tnejn mit-tliet Rumeni li ttieħdu fl-Għassa tal-Pulizija tal-Mosta sakemm fil-post issejħu aktar units li ħadu lill-istess ħallelin lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar investigazzjonijiet.
Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalu li bħalissa hawn għadd ta’ Rumeni li jispeċjalizzaw fil-pick pocketing u dan qed jagħmluh billi jinfiltraw f’zoni turistiċi – pjazez, toroq u bajjiet – u hekk kif jaraw persuni aljenati li jkollhom oġġetti disponibbli għas-serq, allura dawn b’ħeffa u bl-aktar mod fin jisirqulhom l-oġġetti li jkollhom.
Bosta drabi l-pick-pocketing jikkonċerna s-serq ta’ portmonijiet, handbags u wallets, kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa.
Matul is-sena l-oħra biss lill-Pulizija waslulha mal-2,500 rapport minn persuni li kienu sfaw vittma ta’ pick-pocketing. Dan ir-reat jidher li sar aktar popolari fl-aħħar snin tant li ċ-ċifra ta’ pick-pocketing is-sena l-oħra kienet għoxrin fil-mija aktar mis-sena ta’ qabel.
Bosta drabi qed jirriżulta li moħbija wara dawn ir-reati hemm Rumeni li proprju jiġu speċifikament f’pajjiżna biex iwettqu tali reati.
Minn stħarriġ li għamel In-Nazzjon jirriżulta l-fatt li mill-2013 f’Malta u Għawdex kienu rappurtati mas-36,000 każ ta’ serqa. Minn dawn kien hemm 7,614-il każ ta’pick-pocketing.
Minn informazzjoni li ngħatat fil-Parlament mill-Ministru Michael Farrugia għall-mistoqsija tad-deputat parlamentari Clyde Puli, irriżulta li l-każijiet ta’ pick-pocketing qed jiżdiedu sew.
Tabella preżentata fil-Parlament turi li l-każijiet qed jiżdiedu kull sena. Fl-2013 kienu rappurtati 1,469 każ u s-sena li għaddiet dawn telgħu għal 2,447.
Sadattant jirriżulta wkoll li s-serq minn ġo karozzi sar it-tieni l-aktar rappurtat. B’kollox kienu rappurtati 4,343 każ.
Barra minn hekk b’kollox, mill-2013 ’l hawn, kien hemm 2,389 każ ta’ serq minn residenzi.
Wara dawn, l-aktar każijiet rappurtati kienu jinkludu serq minn residenzi, serq ta’ affarijiet personali ta’ turisti fil-lukandi u serq minn fuq il-bajjiet u l-ħwienet.
//= $special ?>