Il-Kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ppreżenta rapport finanzjarju li sar mill-kumpanija Mazars u li jikkonferma li għandu pożizzjoni finanzjarja tajba.
Meta ppreżenta dan ir-rapport lill-membri tal-midja, Adrian Delia qal li dan ir-rapport hu konferma tad-dikjarazzjoni tal-assi li għamel fil-bidu tal-kampanja u kompla li issa hu ċar kif rapporti li saru fil-konfront tiegħu kienu foloz u qarrieqa.
Ir-rapport tal-kumpanija indipendenti Mazars turi li meta wieħed jgħodd il-valur tal-ishma tiegħu f’ħames kumpaniji differenti, kif ukoll propretajiet u investimenti oħra, u meta jitnaqqsu pagamenti dovuti jew loans, hu jispiċċa b’pożizzjoni finanzjarja pożittiva ta’ €1,634,290.
Din tinkludi fost l-oħrajn il-valur ta’ żewġ propjetajiet, waħda fis-Siġġiewi u oħra fl-Imġarr, kif ukoll il-valur tal-investiment valutat għal iżjed minn €9.3 miljun fi propjetajiet fl-Imġarr.
Propju meta rrefera għal dan l-aħħar żvilupp, Adrian Delia ċaħad ukoll rapporti li dawn il-propjetajiet mhux jinbiegħu, anzi qal li f’diversi każi diġa’ ġie ffirmat il-konvenju u allura hemm irbit li l-propjetà tinxtara.
Adrian Delia tkellem ukoll dwar dik li ddeskriva bħala storja fittizja li għandu xi problemi mal-Bank of Valletta jew li l-istess bank għalaqlu xi kont kurrenti.
Filwaqt li tenna mill-ġdid li dan il-kont li ngħalaq kien ta’ klijent tiegħu, fakkar kif dan l-istess klijent infetaħlu kont ieħor mill-istess bank ftit żmien wara. Wera’ wkoll dokument mill-istess bank li jikkonferma li għad għandu kontijiet miftuħa mal-Bank of Valletta kif ukoll li ilu klijent ta-istess bank għal għexieren ta’ snin mingħajr qatt ma kellu xi problemi finanzjarji.
//= $special ?>