Knisja Lokali

Arċipriet ġdid għall-Parroċċa ta’ Sant’Elena f’Birkirkara

Mons Paul Vella (xellug) mal-Kardinal Malti Prospero Grech (lemin)

L-Arċisqof Mons Charles Scicluna ħatar lill-Mons Paul Carmel Vella bħala Prepostu Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Sant’Elena f’Birkirkara.

Mons Vella twieled fit-23 ta’ Settembru 1961 fis-Siġġiewi. Hu rċieva l-edukazzjoni primarja fl-Iskola tas-Siġġiewi u dik sekondarja f’Ħaż-Żebbuġ. Wara li daħal is-Seminarju tal-Arċisqof, kompla bl-istudji fil-Fakultà tat-Teoloġija f’Tal-Virtù u ggradwa fit-Teoloġija Pastorali mill-Università ta’ Malta.

Kien ordnat Saċerdot fit-8 ta’ Lulju 1988 u beda l-ħidma tiegħu bħala Segretarju u Kappillan tal-Arċisqof Mons Ġużeppi Mercieca, fejn dam għal seba’ snin. Matul dawn is-snin, Mons Vella kien ukoll Ċeremonjier tal-Kapitlu Metropolitan u mill-1993 sal-1995 serva wkoll bħala d-Delegat tal-Arċisqof għal-Liturġija u Ċeremonjier Djoċesan.

Fl-1995 mar jistudja d-Dritt Kanoniku f’Ruma, fejn wara li ggradwa fil-Liġi Kanonika, irritorna Malta. Bejn l-1997 u l-2001 kien id-Difensur taż-Żwieġ fit-Tribunal Ekkleżjastiku tal-Ewwel Istanza ta’ Malta. Bejn l-2001 u l-2017 kien iservi bħala Imħallef fl-istess Tribunal.

F’Novembru li għadda, l-Arċisqof Mons Charles Scicluna ħatar lil Mons Vella bħala Kappillan tal-Monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina u Kordinatur tal-Kawża tal-Kanonizzazzjoni tal-Beata Marija Adeodata Pisani.