Minn qalbi, nirringrazzja lill-eluf ta’ tesserati u attivisti tal-partit tagħna li matul dawn it-tlett xhur iltqajt magħhom biex flimkien naqsmu l-ideat għat-tiġdid tal-partit maħbub tagħna.
Qal dan il-kandidat għal kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said lejliet li t-tesserati jintlabu jagħmlu l-għażla tagħhom.
Iddikjara li fl-aħħar ġranet, il-fjamma għall-Partit Nazzjonalista mibdul għall-aħjar iżda fuq prinċipji u l-valuri tiegħu, xegħlet aktar. Wiegħed li minn nhar il-Ħadd li ġej, bħala kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista jbiddel mill-qiegħ il-partit b’għaqal, responsabbilta u maturita.
Wara żewġ telfiet elettorali rridu nbiddlu b’mod radikali l-mod kif naħdmu u naħsbu, qal Chris Said li kompla li hemm bżonn bidliet radikali fl-organizzazzjoni tal-partit, fil-mod kif nikkomunikaw,i kif nitkellmu man-nies iżda b’ħarsien sħiħ tal-valuri nsara li tant ħadmu għalihom il-mexxejja kbar li kellu l-partit.
Wiegħed stil ġdid. I am my own man – min jivvota lil Chris Said se jkollu lil Chris Said, bl-istil determinat, bieżel u viżjonarju tiegħu. Stil ġdid fejn joħroġ l-id tal-ħbiberija lin-nazzjonalisti kollha ta’ rieda tajba.
“Bija Kap, tistgħu sserħu raskom illi mhux se jkun hemm sorpriżi koroh. Jien ktieb miftuħ beraħ. Fl-ewwel ġurnata tal-kampanja ppubblikajt l-assi kollha tiegħi. Ma stennejtx għall-aħħar 24 siegħa tal-kampanja biex nagħmel dan. Għax inthom għandkom dritt tkunu tafu kollox dwar il-mexxejja tagħkom. Bija bħala Kap tal-partit, se nissettjaw l-aġenda aħna, l-ebda blogger jew ġurnalist ma jiddeċiedi għalina – żgur li bija bħala Kap, il-Labour mhux se jkollu munizzjoni f’idejh biex jattakkani bih,” iddikjara Chris Said li kompli li b’vot għalih s-Sibt filgħaxija stess il-Partit Nazzjonalista jkollu kap tal-partit u kap tal-Oppożizzjoni – biex mill-Ħadd filgħodu stess tibda ħidma ta’ bidla għall-aħjar fil-partit.
//= $special ?>