Futbol Sport

Erba’ gowls u tliet punti għal Floriana

Travis Blagrove jissielet ma' Mario Fontanella għal ballun (Ritratt: Matthew Tabone)

Rapport: Keane Cutajar

FLORIANA ……..…….4

ST ANDREWS ………..0

Floriana: I. Akpan, E. Pepe, E. Ruiz, S. Pisani, C. Borg (D. Grima 46’), I. Varela, M. Vella, A. Cini, A. Oyama, N. Chiesa, M. Fontanella (L. Grech 85’)

St. Andrews: M. Calleja Cremona, E. Pena Beltre, A. Borg, T. Blagrove, K. Butler (M. Gauci 69’), M. Grima (M. Miranda Gomez 79’), J. Farrugia, J. Walker (A. Friggieri 69’), D. Jackson, T. Azian, K. Atkinson

Imwissija: D. Jackson 13’, K. Butler 37’, K. Atkinson 73’, M. Calleja Cremona 90+2’ (S) C. Borg 27’, E. Ruiz 32’, M. Vella 83’ (F)

Tkeċċa: S. Pisani 34’ (F) T. Azian 76’ (S)

Skorjaw: M. Fontanella 25’, I. Varela 83’, 90+3’, E. Ruiz 90’ (F)

Referee: Malcolm Spiteri

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Thomas Debono

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Ignacio Varela (F)

Attendenza: 328

Floriana kif mistenni ħarġu fuq l-offensiva fl-ewwel taqsima iżda assistejna għal taqsima b’ħafna waqfien minħabba l-fiżikalità li offriet din il-logħba. Prova ta’ dan kien l-ammont ta’ karti sofor u anke karta ħamra li ngħataw fl-ewwel nofs tal-partita. St Andrews, li kellhom vantaġġ numeriku għall-bidu tat-tieni taqsima, ħarġu fuq l-offensiva fit-tieni 45 minuta u gawdew iktar pussess tal-ballun qabel ukoll sfaw jilagħbu b’għaxra. Kien hawnhekk li Floriana reġgħu ddominaw biex fl-aħħar minuti tal-partita skurjaw tliet gowls.

Wara d-draw li Floriana kellhom fl-aħħar ħarġa tagħhom, Giovanni Tedesco għamel bidla waħda fejn beda Chiesa minflok Cabral. Fuq in-naħa l-oħra, fuq il-bankina ta’ St Andrews iddebutta Marko Glumac li ħa dan it-tim taħt idejh wara li fl-aħħar ħarġa tagħhom kienu mingħajr kowċ. Glumac għażel li jagħmel erba’ tibdiliet.

Floriana issa jinsabu bi tmien punti filwaqt li St. Andrews baqgħu b’rebħa waħda u tliet punti fil-klassifika.

L-ewwel azzjoni denja tal-partita setgħet waslet f’gowl wara għaxar minuti logħob, meta minn pass żbaljat ta’ Jacob Walker lura lejn il-lasti tiegħu stess, waqa’ f’saqajn il-Furjaniżi b’Calleja Cremona b’xi mod jirnexxielu jagħmel il-ħajja diffiċli għall-Greens li minn qagħda komda sparaw għoli.

Wara 22 minuta waslet ir-risposta tal-Vjola meta Farrugia għadda tajjeb lejn Atkinson li minn qagħda tajba xeħet barra.

Floriana fetħu l-iskor tliet minuti wara, meta Vella u Fontanella ħabtu l-ballun ma’ xulxin, b’Vella jispiċċa waħdu mal-gowlkiper ta’ St. Andrews b’dan tal-aħħar iwettaq save tajjeb, iżda l-ballun waqa’ f’saqajn Mario FONTANELLA li wara li kellu l-ewwel tentattiv tiegħu maqlugħ minn fuq il-linja, reġa’ prova, b’din id-darba jitfa’ fix-xibka.

Floriana spiċċaw jilagħbu b’għaxra fl-34 minuta meta Steve Pisani deher jidħol daħla kerha fuq Azian, b’Malcolm Spiteri jurih il-ħamra diretta. Fil-41 minuta kien Calleja Cremona li salva lit-tim tiegħu milli jmorru tnejn minn taħt b’rifless stupend wara xutt b’saħħtu fil-baxx ta’ Varela.

Il-gowlkiper tal-Vjola reġa’ kien protagonist meta kien ħareġ minn postu biex tajjar il-periklu qabel Floriana setgħu jilħqu l-ballun minn pass tajjeb li ġab lill-attakkant waħdu.

Degran Jackson ittanta xortih minn qagħda angolata fil-51 minuta b’xutt li kien faċli għal Akpan. Minuta wara, Joseph Farrugia għamel l-istess minn barra l-kaxxa bix-xutt imvenven tiegħu ikun ċentrali u faċli għall-gowlkiper Furjaniż.

Ħames minuti wara waslet ir-risposta Furjaniża meta s-sostitut Grima għadda ballun sabiħ fil-baxx lejn Varela li ġie żmarkat iżda Calleja Cremona ħareġ jinterċetta tajjeb biex ħataf u waqqaf il-periklu.

Fil-61 minuta, Adrian Borg sab ruħu fuq l-offensiva u krossja dirett lejn il-lasta li deher destinat għal ġewwa b’Ini Akpan idawwar f’korner. Malcolm Spiteri keċċa t-tieni plejer tal-logħba meta kien fadal kwarta logħob, b’Tano Azian jidher iwaqqa’ plejer mingħajr ballun biex intwera t-tieni karta safra.

Floriana għamluhom tnejn fit-83 minuta meta b’xutt b’saħħtu, Ignacio VARELA tefa’ fir-rokna tax-xibka wara li St. Andrews naqsu li jbiegħdu l-periklu wara freekick ta’ Floriana.

Mat-tokki tad-90 minuta, Floriana għamluhom tlieta wara li Enzo RUIZ spara bir-ras fix-xibka wara korner mogħti perfett. Fil-ħin miżjud tat-tieni taqsima, Calleja Cremona deher iwaqqa’ lis-sostitut Grech fil-kaxxa bir-referee saffar għal penalty. Mill-ħdax-il metru Ignacio VARELA skorja t-tieni gowl personali tiegħu biex għamel l-iskor erba’ b’xejn.