Fadal biss tliet ġimgħat għan-Notte Bianca ta’ din is-sena, li se ssir fil-lejl tas-7 ta’ Ottubru li ġej. Din se tkun it-tnax-il edizzjoni tal-‘Lejl Imdawwal’, li kull sena jattira eluf ta’ Maltin, Għawdxin u turisti lejn il-kapitali Maltija.
Fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet dwar in-Notte Biance, kellna l-opportunità nitkellmu ma’ Sean Buhagiar, id-direttur artistiku tal-attività, fejn tana idea ta’ x’jistgħu jistennew in-nies din is-sena, fosthom grupp renomat ħafna tat-teatru, tribute minn pjanista Maltija ta’ fama internazzjonali, xows bi produzzjoni ta’ Kelma Kelma b’kollaborazzjoni ma’ DJs Maltin li se jagħmlu ‘remixes’ ta’ xogħol Malti, u xogħol interattiv ieħor.
Sean Buhagiar spjega li ma jistax jonqos l-element artistiku ġdid, b’attivitajiet miżjuda fit-toroq f’dak li għandu x’jaqsam ma’ żfin, teatru u maġija tat-triq. Attività innovattiva hija dik fejn il-pubbliku se jkun jista’ jitla’ fuq planċier u jidderieġi kor.
Din is-sena wkoll, apparti l-pjazez ewlenin, se jingħataw importanza żoni oħra tal-Belt, fosthom in-naħa t’isfel u l-periferiji. Fuq kollox, ma jistax jonqos li jsiru tħejjijiet mil-lat loġistiku u organizzattiv, u dwar dan tkellimna mas-Sindku tal-Belt Valletta Alexei Dingli.
“Inħeġġu biex kemm jista’ jkun in-nies ma jiġux bil-karozza tagħhom. Kif għamilna fis-snin ta’ qabel ukoll, il-Belt ħa tkun magħluqa. Jiġifieri l-Belt tingħalaq għar-residenti biss, u kull min mhuwiex resident ma jkunx jista’ jidħol fil-Belt Valletta. Jiġifieri lil dawn in-nies inħeġġiġhom biex jew jipparkjaw barra mill-Belt, jew tant aħjar, jużaw it-trasport pubbliku jew illum hawn ukoll il-ferries bejn Tas-Silema u anke l-Kottonera biex jiġu lejn il-Belt,” spjega Alexei Dingli.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet attendew diversi artisti u membri tal-Gvern u l-V18.
//= $special ?>