“Jirbaħ min jirbaħ, ejja nkomplu dak li bdejna”. Kien dan l-appell ta’ Simon Busuttil fl-aħħar diskors bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, fi tmiem l-ewwel ġurnata tal-Konvenzjoni Ġenerali li se tkun qed teleġġi Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
“Dan hwua dak li bdejna flimkien. This is what we started. U l-appell tiegħi lil Chris u Adrian… jirbaħ min jirbaħ fostkom, il-punt kollu huwa dan: Ejja nkomplu dak li bdejna. Ejja nlestu dak li bdejna. Let’s finish waht we started,” qal Simon Busuttil.
Fid-diskors tiegħu, Simon Busuttil irrefera għall-impenn tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin u l-valuri li ħadem għalihom; valuri tal-onestà, l-integrità u l-verità.
Filwaqt li rrefera għall-populiżmu bħala riskju reali li jikkorrompi l-valuri tas-soċjetà, Simon Busuttil qal li minkejja li ma ntrebħitx l-elezzjoni ġenerali, il-Partit Nazzjonalista rebaħ xorta għax mexa wara s-sewwa, u fil-Parlament u permezz tal-Qorti se jkompli jiġġieled għas-sewwa.
“Moralment, aħna rbaħna għax imxejna wara l-onestà, l-integrità, il-verità….. u tajna din l-għażla lin-nies, għal dawk li għarfu jħaddnu din l-għażla,” żied jgħid.
“Se nibqa’ membru tal-Parlament u fil-Parlament se nibqa’ nagħtikom vuċi għas-sewwa u meta nhar it-Tnejn li ġej imissna seduta oħra fil-Qorti dwar il-każijiet tal-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern, jien fid-9 ta’ filgħodu, se nkun qiegħed il-Qorti niġġieled għas-sewwa kontra l-Korruzzjoni”, sostna Simon Busuttil.
Simon Busuttil irrefera għall-ksibiet tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin, fosthom il-mod kif il-Partit infetaħ aktar għal ideat ġodda. Esprima sodisfazzjoni li issa se jkunu t-tesserati li jagħżlu Kap ġdid, f’turija ċara ta’ kemm il-Partit jinsab f’idejn in-nies.
Fl-istess waqt, Simon Busuttil, appella biex jitla’ min jitla’, jimpenja ruħu biex jirrispondi għall-weġgħat li nħolqu matul l-elezzjoni għal Kap.
“Chris, Adrian. Min minnkom jirbaħ se jkollu piż kbir, responsabbiltà kbira li dawn il-weġgħat li kellna matul dawn l-aħħar sitt ġimgħat, intom taraw kif se tagħmlu biex issewwuhom malajr kemm jista’ jkun,” appella Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li issa f’idejn it-tesserati li jagħżlu l-Kap il-ġdid, imma appella biex ma jinsewx dak li jirrappreżenta l-partit.
“Infakkarkom li l-Partit Nazzjonalista ha aħna, u aħna familja waħda. Jiġri x’jiġri għada, infakkarkom li ħadd m’hu akbar mill-Partit. L-ebda individwu, żgħir kemm hu żgħir, kbri kemm hu kbir, ma huwa akbar mill-Partit,” saħaq Simon Busuttil.
B’Simon Busuttil itemm b’messaġġ emozzjonanti quddiem dawk preżenti quddiemu. “Grazzi talli daħħaltuni f’qalbkom,” temm jgħid Simon Busuttil.
//= $special ?>