Futbol Sport

FUTBOL – Jibda l-bejgħ tal-biljetti għat-Tazza tad-Dinja

Partitarji jistgħu jibdew japplikaw għall-biljetti tal-64 logħba tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja li se ssir fir-Russja f’Ġunju li ġej.

Il-prezzijiet se jkunu jvarjaw minn 22 dollaru li huma l-iktar biljetti rħas u riservati għal partitarji Russi biss, sa l-iktar biljetti għoljin li jlaħħqu sa elf u mitt dollaru għal post fil-finalissima.

Kull min japplika sat-12 ta’ Ottubru jidħol f’sistema kompjuterizzata u wara l-biljetti jkunu assenjati bix-xorti b’mod awtomatiku.

Din se tkun l-ewwel fażi ta’ applikazzjoni għal dawn il-biljetti, fejn jerġa’ jkun hemm ftuħ tal-applikazzjonijiet fil-5 ta’ Diċembru, erbat ijiem wara li jkun ttellgħu l-poloz tal-fażi finali se ssir bejn l-14 ta’ Ġunju u l-15 ta’ Lulju tas-sena d-dieħla.

Intant, il-FIFA kkonfermat li l-erba’ urni bl-ismijiet tan-nazzjonijiet parteċipanti għall-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja se jkunu kollha allokati skont ir-rankings dinjija tal-istess FIFA.

Din se tkun bidla radikali mill-passat li ttieħdet mill-kumitat organizzattiv biex b’hekk it-32 finalista se jkunu seeded skont ir-rankings ta’ Ottubru li ġej. Il-FIFA iżda ħabbret li xorta waħda se jkun pilotar waqt it-tlugħ tal-poloz biex taċċerta li ma jkunx pajjiżi mill-istess Konfederazzjoni fl-istess grupp.

Il-pajjiż organizzatur ir-Russja se jkun fl-urna numru wieħed, flimkien mal-pajjiżi li jokkupaw l-ewwel seba’ postijiet fir-rankings dinjija, biex b’hekk s’issa diġa’ hemm ukoll il-Brażil flimkien mar-Russja peress li dawn huma ġa kwalifikati għall-fażi finali u huma wkoll ċerti li se jkunu fl-ewwel seba’ postijiet fir-rankings dinjija.

Nazzjonijiet oħra bħall-Ġermanja, l-Arġentina u l-Portugall ukoll mistennija li jkunu wkoll f’din l-ewwel urna dejjem jekk huma jaqtgħu l-biljett għar-Russja bil-kwalifikazzjoni.

L-urna numru tnejn ukoll mistennija li jkollha nazzjonaijiet ta’ importanza u storja bħall-Ingilterra, l-Italja, Spanja u Franza fost oħrajn, dejjem jekk anki dawn jirnexxielhom jiksbu l-kwalifikazzjoni għall-fażi finali.