Internazzjonali

IL-BRAŻIL: Il-President Temer jiffaċċja aktar akkużi kriminali

 

L-Ogħla Prosekutur kontra l-Korruzzjoni fil-Brażil akkuża lill-President Brażiljan, Michel Temer, bi tfixkil għall-proċess tal-ġustizzja kif ukoll dwar involviment f’sistema ta’ kriminalità organizzata.

Dan hu t-tieni sett ta’ reati kriminali li tressaq fil-konfront ta’ Temer, bir-reati jibbażaw fuq l-informazzjoni provduta mill-proprjetarji ta’ kumpanija tal-laħam li kienu implikati f’aġir illegali u li ddeċidew biex jikkoperaw mal-awtoritajiet.

Huma qed jakkużaw lill-President Temer b’li aċċetta t-tixħim u talli kien involut f’kumplott għax-xiri ta’ xhud biex iżomm ħalqu magħluq.

Il-President Brażiljan, min-naħa tiegħu, qed jiċħad bil-qawwi kull allegazzjoni ta’ mġiba rregolari jew kriminali.

L-ewwel akkuża ta’ korruzzjoni miġjuba kontra Temer kienet imblukkata mill-Kungress tal-Brażil li għandu l-poter biex jiddeċiedi jekk il-President tal-pajjiż għandux jitressaq quddiem ġuri. Intant Temer qed ikun implikat, flimkien ma’ sitt alleati politiċi, fit-tieni sett tal-akkużi.

Il-Prosekutur Ewlieni, Rodrigo Janot, qal, fi stqarrija, li Temer ‘kien aġixxa bħala l-kap ta’ organizzazzjoni kriminali’ li, skont hu, kienet magħmulha minn uffiċjali ewlenin tal-Partit PMDB immexxi mill-President Brażiljan.

Fl-istess ħin, il-Prosekutur tenna li l-grupp, allegatament, aċċetta l-ekwivalenti ta’ 150 miljun ewro f’tixħim u bħala ‘xiri ta’ kuntratti’ minn kumpaniji pubbliċi.