Kurżitajiet Lokali

Il-President tal-Portugal jaqbeż qabża sal-Każin

Xi nies li kienu qed jieklu u jixorbu l-Każin tal-Banda San Gabriel f’Ħal Balzan kellhom sorpriża mhux tas-soltu.

Dan hekk kif f’daqqa waħda sabu ma’ wiċċhom lill-President tal-Portugal Marcelo Rebelo de Sousa, li bħalissa jinsab Malta għal laqgħa bejn numru ta’ Presidenti ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Waqt li kien il-Każin, il-President tal-Portugal ma ddejjaq xejn jippoża ma’ dawk li talbuh ritratt. Filfatt, fuq Facebook, numru ta’ persuni ixxerjaw ir-ritratti tagħhom miegħu.

NET News infurmat li peress li l-President tal-Portugal kien qed joqgħod f’lukanda fil-qrib, iddeċieda li jmur dawra mar-raħal ċkejken ta’ Ħal Balzan. Wara dawra mal-Knisja dedikata lil Marija Annunzjata, de Sousa mar il-każin ta’ San Gabriel, li jinsab biswit il-Knisja.

Bħalissa f’Malta qed jiltaqa’ l-grupp ‘Arraiolos’, li jiġbor fi ħdanu l-Presidenti non-eżekuttivi tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Filfatt fil-jiem li għaddew kien hawn f’Malta wkoll il-President Taljan Sergio Mattarella.

https://www.facebook.com/joegabvella/posts/10212415965529085