Elezzjoni Kap PN Lokali

Illum tibda l-Konvenzjoni Ġenerali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil
L-aħħar diskors ta' Simon Busuttil bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista

Illejla tingħata bidu għall-Konvenzjoni Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li matulha se ssir l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Konvenzjoni Ġenerali, li hija miftuħa għat-tesserati kollha tal-Partit Nazzjonalista, tibda llejla fis-7.30pm fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà. Il-qofol tal-ewwel jum tal-Konvenzjoni Ġenerali jintlaħaq b’diskors mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Id-diskors tal-lejla se jkun l-aħħar diskors ta’ Simon Busuttil bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, wara li lbieraħ attenda l-Kumitat Amministrattiv u l-Kumitat Eżekuttiv għall-aħħar laqgħat tagħhom bih bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Sadanittant, bħala parti mill-Konvenzjoni Ġenerali, se ssir l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista. L-elezzjoni se ssir is-Sibt matul il-ġurnata kollha fuq il-Fosos tal-Furjana, fl-MFCC f’Ta’ Qali u fis-Sub-Headquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat f’Għawdex.

Il-ħinijiet tal-votazzjoni huma bejn it-8 ta’ filgħodu u d-9 ta’ filgħaxija f’Malta u bejn it-8 ta’ filgħodu u t-8 ta’ filgħaxija f’Għawdex.