Wieħed mit-tliet partiti li kienu qed jiffurmaw il-Gvern ta’ koalizzjoni f’Reykjavik fl-Iżlanda ħabbar li se jitlaq. Id-deċiżjoni tal-Partit Bjort Framtio segwiet allegazzjonijiet li l-Partit tal-Indipendenza mmexxi mill-Prim Ministru Iżlandiż, Bjarni Benediktsson, kien ipprova jagħmel cover-up tar-rekord kriminali ta’ persuna ħatja ta’ pedofelija.
Benedikt Sveinsson, missier il-Prim Ministru, hu akkużat li kiteb ittra ta’ rakkomandazzjoni biex titnaddaf ir-reputazzjoni tar-raġel inkwistjoni – Hjalti Sigurjon Hauksson – li kien spiċċa kundannat għar-reati inkwistjoni.
Hauksson, fl-2004, kien weħel ħames snin u nofs ħabs għal reati serji u ripetuti għall-iskaptu ta’ bintu tar-rispett. L-abbuż sesswali baqa’ għaddej minn meta bintu kellha ħames snin sakemm hi għalqet 17-il sena.
Il-kriminali li jkunu kundannati dwar reati serji fl-Iżlanda jistgħu jappellaw lill-awtoritajiet biex ‘jirristawrawlhom l-unur’ – bl-appelli, jekk kemm-il darba jkunu aċċettati, effettivament, jannullaw ir-rekords kriminali. Il-kriterji għal dan l-istatus jinvolvu ittra ta’ rakkomandazzjoni mingħand xi ħabib qrib jew assoċjat tal-kriminal inkwistjoni.
Sadattant, sorsi qrib il-Partit Bjort Framtio qalu li l-kwistjoni kienet ġiet diskussa waqt laqgħa interna fejn ittieħdet deċiżjoni unanima biex il-partit jitlaq minn mal-Gvern minnufih.
Is-sorsi qalu li l-iskandlu ħa lill-partit kompletament għall-għarrieda u l-Bjort Framtio ma setax ikompli bħala membru tal-koalizzjoni. ‘Din hi xi ħaġa kompletament opposta għall-prinċipji tagħna, meta l-korruzzjoni u l-element tad-diżonestà f’dan il-każ huma inkredibbli’, komplew is-sorsi f’Reykjavik.
Jikrolla l-Gvern tal-Iżlanda minħabba skandlu


