Fi tweġiba lill-Avukat Arthur Azzopardi, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake, saħqet li l-artiklu numru 5 tal-Istatut tal-Partit Nazzjonalista jipprovdi li ma jkunux iżjed ikkunsidrati tesserati tal-Partit Nazzjonalista dawk kollha li jinkitbu fi kwalunkwe partit politiku ieħor jew fi kwalunkwe moviment jew għaqda dikjarati mill-Kumitat Eżekuttiv kuntrarju għall-prinċipji u l-interessi tal-Partit Nazzjonalista.
Rosette Thake qalet li permezz ta’ riżoluzzjoni approvata mill-Kumitat Eżekuttiv fl-1991, il-Partit Nazzjonalista kien iddikjara li l-mażunerija tmur kontra l-prinċipji u l-interessi tal-Partit Nazzjonalista.
Bħala konsegwenza kull persuna tesserata tal-Partit Nazzjonalista u li jirriżulta li kienet jew hija membru ta’ xi loġġa massonika awtomatikament ma’ tibqax tiġi kkunsidrata tesserata tal-Partit Nazzjonalista.
Għalhekk Rosette Thake saħqet li matul iż-żmien li Dr. Azzopardi kien membru ta’ loġġa massonika hu ddekada minn tesserat tal-Partit Nazzjonalista u konsegwenza ta’ hekk ma għandux id-dritt għall-vot fl-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista li se ssir is-Sibt.
//= $special ?>