Futbol Sport

It-tieni rebħa konsekuttiva għal Qormi

Yannick Yankam isegwi lil Ryan Previ (Ritratt: Matthew Tabone)

QORMI ………….…… 1

SIRENS ……………… 0

Qormi: J. Azzopardi, J.L. Gaetano Da Silva (T. Guzman 90’), Y. Yankam, L. Busuttil, D. Vukovic, L. Adamec, B. Grech, A. Abela, C. Matombo (J. Salaroli 59’), M. Camilleri (N. Ghio 85’), A. Cassar.

Sirens: S. Cini, L. Zammit (M. Micallef 83’), B. Kremenovic, D. Sant, R. Previ, I. Curmi (I. Chircop 65’), D. Medic, R. Sciberras (C. Caruana 53’), D. Agius, G. Galea, A. Obaje.

Referee: Darryl Agius

Gowl fil-bidu tal-logħab ta’ Gaetano da Silva kien biżżejjed għal Qormi li jiksbu t-tieni rebħa konsekuttiva u jibqgħu b’punti massimi wara żewġ logħbiet. Ir-rebħa tal-Qriema kienet mistħoqqa l-iktar għaċ-ċansijiet li ħolqu fl-ewwel taqsima fejn setgħu skorjaw iktar gowls.

Wara biss erba’ minuti logħob Qormi fetħu l-iskor meta minn kross ta’ Vukovic kien JOSE LUCAS GAETANO DA SILVA li daħal tajjeb fil-kaxxa u għeleb lil Cini. Minuta wara Qormi mill-ġdid perikolużi b’xutt ta’ Michael Camilleri u intervent tajjeb tal-goalkeeper Cini.

Qormi komplew jinsistu u fit-8 minuta xutt ta’ Vukovic għadda jħakkek ma’ sieq il-lasta. Risposta ta’ Sirens b’xutt ta’ Daniel Agius ftit għoli. Fil-35 minuta  xutt bid-dawra ta’ Da Silva li għadda ftit għoli. Fit-42 minuta Sirens sfortunati meta Daniel Agius b’xutt sabiħ minn tarf il-kaxxa laqat il-mimduda.

Fit-tieni taqsima Sirens kellhom iktar mil-logħob iżda l-logħba saret goffa b’ħafna fawls u ruxxmata karti sofor. L-isbaħ ċans għal Sirens li jsalvaw il-logħba wasal fil-ħin miżjud b’xutt mill-viċin ta’ Giovanni Galea mblukkat minn Azzopardi.