Kif kien mistenni, l-McLaren ħabbru li minn tmiem dan l-istaġun mhux se jibqgħu jaħdmu b’magni Honda. Din l-aħbar tasal biss tliet snin wara li dawn it-tnejn bdew ir-relazzjoni tagħhom imma r-riżultati li kisbu l-McLaren f’dawn l-aħħar snin xejn ma kienu pożittivi.
Issa l-McLaren se jibdew jużaw magni Renault u dan ifisser li r-relazzjoni bejn ir-Renault u r-Red Bull se tiġi wkoll fi tmiemha.
Il-Honda issa se jibdew jipprovdu magni lit-Toro Rosso. Barra minn hekk ir-Renault ħabbru li s-sewwieq Carlos Sainz, li attwalment isuq mat-Toro Rosso se jibda jsuq magħhom. Sainz se jieħu post l-Ingliż Jolyon Palmer u b’hekk se jkun qed isuq flimkien mal-Ġermaniż Nico Hulkenberg.
Wieħed issa jrid jara jekk la darba l-McLaren se jkollhom magni ġodda dawn hux se jikkonvinċu lill-Ispanjol Fernando Alonso jibqa’ magħhom. Id-Direttur Eżekuttiv tal-McLaren Zak Brown qal li jekk Alonso ma jibqax mat-tim, id-diriġenti għandhom pjan ieħor.
Il-kuntratt attwali ta’ Alonso jiskadi fi tmiem dan l-istaġun u l-ekschampion mondjali kemm-il darba qal li mhux kuntent bil-fatt li ma jistax jisfida għar-rebħ tat-titlu.
Il-GP ta’ Singapore se jibqa’ jsir
Tard il-Ġimgħa filgħaxija ħarġet l-aħbar li l-Grand Prix ta’ Singapore se jibqa’ jsir tal-anqas sal-2021.
Dan il-Grand Prix beda jsir fl-2008 u minn dakinhar ‘l hawn baqa’ jsir kull sena. Din l-aħbar tfisser li l-Grand Prix ta’ Singapore se jkun l-uniku wieħed f’dan ir-reġjun wara li fl-1 ta’ Ottubru li ġej se jsir għall-aħħar darba il-Grand Prix tal-Malasja.
//= $special ?>