Lokali

Ħidma mill-Maltin fuq il-kura tal-Kanċer

Għotja ta' €84,000 mill-Fondazzjoni HSBC Malta lill-Fond tar-Riċerka tal-Università.

Riċerka dwar il-kimoterapija u l-kanċer li qed issir fl-Università ta’ Malta se tkompli tissaħħaħ grazzi għal għotja ta’ €84,000 mill-Fondazzjoni HSBC Malta lill-Fond tar-Riċerka tal-Università.
Ir-riċerka fuq dan bdiet madwar tmien snin ilu, din qed tiffoka fuq fatturi ġenetiċi tal-kanċer magħrufa bħala micro RNAs. It-tabib Duncan Ayers, spjega li dawn jaħdmu bħal pedali tal-gass u tal-brejk fuq iċ-ċelloli tal-ġisem.

Huwa qal li issa sabu RNAs li jaħdmu bħala gass fuq tliet tumuri differenti, breast cancer, ovarian cancer u neuroblastomia li huwa tumur tat-tfal. Dan se jgħin biex isir żvilupp ta’ dawn il-mediċini li jwaqqaf dan il-gass.

It-tabib Ayers qal li bil-fondi li qed jingħataw se jkunu jistgħu jagħmlu aktar esperimenti li jikkonfermaw dan ix-xogħol biex tiġi żviluppata kura għall-pazjenti tal-kanċer li tindirizza b’mod speċifiku r-reżistenza għall-kimoterapija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Andrew Beane qal li L-HSBC irid jappoġġja l-ħeġġa u d-determinazzjoni tax-xjentisti Maltin biex jiktbu l-kapitlu li jmiss ta’ innovazzjoni fir-riċerka medika u akkademika. Huwa qal li d-dedikazzjoni tagħhom f’riċerka innovattiva għandha tħalli impatt pożittiv u sinifikanti fil-ħajja tal-pazjenti, il-familji tagħhom u l-membri kollha tas-soċjetà.

Ir-Rettur tal-Università, Profs Alfred Vella qal li l-Università ta’ Malta qed taħdem f’networks ma’ universitajiet oħra u r-riċerkaturi Maltin qed ikunu ta’ spiss fuq quddiem fl-innovazzjoni u t-tekonoloġija. Huwa qal li din il-ħidma hija eżempju ċar ta’ dan.