Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq determinata dwar il-pjan nukleari tagħha

Il-mezzi tax-xandir tal-Korea ta’ Fuq ħarġu stqarrija tal-mexxej tal-pajjiż Kim Jong-un fejn dan insisita li r-reġim ta’ Pyongyang kien determinat li jirnexxi fil-programm nukleari tiegħu. Programm li bih irid iġib il-pajjiż fuq l-istess livell militari tal-Istati Uniti.
Dan hekk kif nhar il-Ġimgħa, il-Korea ta’ Fuq sparat missila oħra li għaddiet minn fuq territorju Ġappuniż – l-aktar missila ta’ Pyongyang li vjaġġat fit-tul, madwar 3,000 kilometru. Esperti qalu li din il-missila kellha l-kapaċità li tasal sal-gżira Amerikan ta’ Guam. Gżira li spiss kienet fil-mira ta’ theddid ta’ Kim u r-reġim tiegħu f’Pyongyang.
Il-President Amerikan Donald Trump, waqt żjara f’Joint Base Andrews, f’Maryland, qal li għal darb’oħra l-Korea ta’ Fuq uriet in-nuqqas ta’ rispett kemm għall-pajjiżi ġirien kif ukoll għall-komunità internazzjonali.
Hawn hu għal darb’oħra wissa li l-għażliet li għandha l-Istati Uniti jekk il-Korea ta’ Fuq taqbeż il-limitu, ir-reazzjoni Amerikana kienet se tkun determinata li minnha r-reġim Korean ma kienx se jerġa’ jqum.