Lokali

Il-UĦM Voice of the Workers tikkundanna t-theddid lill-ħaddiema tal-Air Malta

Fi stqarrija wara t-theddid tal-Gvern li lest jagħlaq l-Air Malta u jerġa’ jiftaħha bi staff ġdid, il-UĦM Voice of the Workers ikkundannat it-theddid, li jekk il-ħaddiema u l-unions ma jaqblux mal-istrateġija li qed tressaq il-kumpanija għall-eżistenza tagħha, il-Gvern lest li, bla tlaqliq, iżarma l-kumpanija u jitfa’ t-tort fuq il-ħaddiema talli ma kkoperawx mal-pjani tiegħu.

Il-Union saħqet li l-ħaddiema m’għandhomx ikunu l-ħrief tas-sagrifiċċju għall-problemi li l-kumpanija ġarrbet u ħolqot matul is-snin minħabba pjani fjakki u strateġiji li mhux sostenibbli.

Filwaqt li esprimiet solidarjetà mal-ħaddiema kollha tal-Air Malta f’dan iż-żmien ta’ tensjoni u inċertezza, il-UĦM Voice of the Workers appellat lill-Gvern biex ma jilgħabx mal-ħobża ta’ kuljum tal-ħaddiem, iżda li jerġa’ jmur fuq il-mejda biex isib dik ir-riċetta adekwata li permezz tagħha l-linja nazzjonali tal-ajru tkun kapaċi ssaħħaħ lilha nfisha.