Lokali

Konrad Mizzi jhedded lill-ħaddiema: “Nagħlqu l-Air Malta u nerġgħu niftħuha bi staff ġdid”

Il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi, li hu responsabbli mill-Air Malta hedded li jekk il-ħaddiema tal-Air Malta u r-rappreżentanti tagħhom, ma jifmhux il-ħtieġa li jikkoperaw mal-kumpanija fl-isforzi tagħha biex tqum fuq saqajha, “il-Gvern ma jkollux għażla oħra ħlief li jagħlaq l-Air Malta u jerġa’ jiftaħha bi staff ġdid”.

Il-Ministru Mizzi ta dawn il-kummenti lill-ġurnal Maltatoday.

Dawn il-kummenti saru fi sfond ta’ taqlib industrijali fejn il-union tal-cabin crew qed tikkonsidra azzjonijiet industrijali minħabba kwistjonijiet marbutin mar-roster, it-tkeċċija ta’ xi ħaddiema part-time kif ukoll żidiet fil-pagi.

Il-gazzetta tirrapporta li nhar l-Erbgħa se ssir laqgħa kruċjali fejn se jkunu diskussi fost oħrajn it-talba ta’ 10% żieda fil-pagi tal-cabin crew u żieda ta’ 30% fil-pagi tal-piloti mitluba mill-Assoċjazzjoni tal-Piloti (ALPA), li skont sorsi, il-Gvern mhux lest li jaċċettahom.

Theddid bla preċedent – il-kelliem għat-Turiżmu Robert Arrigo

Sadanittant, Il-Partit Nazzjonalista  fi stqarrija esprima solidarjetà mal-ħaddiema tal-Air Malta li spiċċaw vittmi ta’ theddid bla preċedent mill-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi. Il-kelliem għat-Turiżmu Robert Arrigo qal li Ministru hedded li jekk il-ħaddiema ma joqgħodux għal dak li jiddeċiedi hu, jagħlaq l-Air Malta – hi ta’ tħassib serju u li għandha tinkwieta mhux ftit lill-ħaddiema tal-Air Malta u l-familji tagħhom.

L-istqarrija tkompli li din it-tip ta’ dikjarazzjoni hi ta’ xokk għal kulħadd, speċjalment meta wieħed jiftakar li sa ftit tal-ġimgħat ilu, l-Gvern kien qed jiftaħar li għaddej b’negozjati tajbin mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Għalhekk illum wieħed ma jistax ma jsaqsix: id-diskors ta’ qabel l-elezzjoni kien kollu fieragħ, u l-wegħdiet li saru mill-Partit Laburista kien biss kliem?

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Air Malta għandu jkollha futur sostenibbli b’direzzjoni li ma tħarisx l-Air Malta bħala entità kummerċjali għaliha, iżda f’kuntest usa li jirrifletti r-rwol li l-Air Malta kellha u għad għandha fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali f’pajjiżna, partikolarment, iżda mhux biss, it-turiżmu.

L-istqarrija ttemm li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien u dejjem jibqa’ jkun ċar mal-ħaddiema. It-theddid mhuwiex fl-istil tal-Partit Nazzjonalista.

Ikkummenta