Internazzjonali

IT-TUNEŻIJA: In-nisa issa jistgħu jiżżewġu rġiel mhux-Musulmani

L-awtoritajiet fit-Tuneżija irtiraw liġi li kienet tipprojbixxi lin-nisa Tuneżini milli jiżżewġu rġiel mhux-Musulmani. Kelliema għall-President Tuneżin, Beji Caid Essebsi, ikkonfermat id-direttiva waqt li ferħet lin-nisa ‘li minn issa huma ħielsa biex jagħżlu lir-raġel li jridu’. Fil-fatt, id-direttiva daħlet fis-seħħ b’mod immedjat u l-koppji huma ħielsa biex jirreġistraw iż-żwieġ tagħhom mal-uffiċini tal-Gvern.
Qabel il-bidla fil-liġi, raġel mhux-Musulman li kellu x-xewqa li jiżżewweġ mara Tuneżina Musulmana kellu jikkonverti għall-Iżlam filwaqt li jipproduċi ċertifikat għall-konverżjoni tiegħu bħala prova.
Madwar 99 fil-mija tal-poplu tat-Tuneżija huma Musulmani. Dan il-pajjiż jitqies bħala wieħed mill-aktar Stati Arab progressivi f’termini ta’ drittijiet tal-mara.
Il-liġi l-ġdida daħlet wara li l-President Essebsi insista għat-tneħħija tal-liġi taż-żwieġ li kienet tinkorpora r-restrizzjoni partikulari u li kienet ilha fis-seħħ mill-1973.
Essebsi, ix-xahar li għadda, tkellem fl-okkażjoni tal-Jum tal-Mara Nazzjonali fejn qal li ‘il-liġi taż-żwieġ partikulari serviet bħala ostaklu għall-għażla ħielsa tal-għarajjes’.
Ir-restrizzjoni fuq l-għażla taż-żwieġ għall-mara Tuneżina kienet qed titqies ukoll bħala abbuż tal-Kostituzzjoni tat-Tuneżija li kienet adottata fl-2014, wara r-rivoluzzjoni tar-Rebbiegħa Għarbija. Intant, il-gruppi favur id-drittijiet umani fit-Tuneżija ukoll kienu mexxew kampanja għall-irtirar tal-liġi speċifika.