Lokali

FILMAT: “Mod ġdid se jġib bidla li tgħaqqadna” – Adrian Delia

“Il-Partit Nazzjonalista jrid iġib bidla, bidla fil-ħsieb u bidla fl-attitudni li twassal biex din il-bidla tgħaqqadna bħala poplu għall-ġid ta’ pajjiżna.”

Iddikjara dan il-kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt li kien intervistat mill-preżentatur Peppi Azzopardi. Dan bħala parti mill-attivitajiet tal-Indipendenza għal din is-sena, bit-tema ‘Bidla li Tgħaqqadna.’ Intervista li għaliha attendew mijiet ta’ persuni.

Għaqda wkoll internament fil-partit, b’Adrian Delia li tkellem ukoll dwar kandidat ieħor li miegħu kkompeta għat-tmexxija tal-partit, Chris Said, li qal li ċempillu mill-ewwel biex jawguralu l-ħidma tajba.

Iddikjara lil Chris Said bħala bniedem kompetenti kemm fuq livell politiku kif ukoll amministrattivament u qal li jinsab ċert li se jkompli jgħin lill-Partit Nazzjonalista kif dejjem għamel.

Adrian Delia tkellem ukoll dwar issues kurrenti fil-pajjiż, u għamilha ċara li l-aġenda tal-Oppożizzjoni se jkun il-Partit Nazzjonalista li jiddeċiediha. Madankollu qal li taħt it-tmexxija tiegħu l-Partit Nazzjonalista se jkun miftuħ għad-diskussjoni, iżda qal li hu qiegħed hemm ukoll biex jiddefendi lill-poplu wkoll.

Kellu wkoll messaġġ ċar – il-Partit Nazzjonalista mhux se jieqaf jiddefendi lil pajjiżna quddiem il-korruzzjoni u l-abbużi. Dan għaliex l-Oppożizzjoni għandha obbligu li tħares il-kwalità tal-ħajja tan-nies, inkluż bil-ħarsien tal-ambjent u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet li sfortunatament waqfu milli jaqdu l-funzjoni tagħhom.

Fuq livell personali, Adrian Delia tkellem kontra l-kummerċjalizzazzjoni tal-prostituzzjoni u l-ħajja umana, il-ħarsien tal-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali tal-ħajja u kontra t-teħid u l-abbuż tad-droga.

Tkellem ukoll dwar azzjoni u protezzjoni lil komunitajiet differenti kontra l-kriminalità u appella għal studju dwar kemm hawn nies jgħixu f’pajjiżna llegalment.