Internazzjonali

Franza: Turisti attakkati bl-aċtu fi stazzjon ta’ Marsilja

 

Grupp ta’ nisa żgħażagħ – kollha turisti – spiċċaw mira ta’ attakk bl-aċtu waqt li huma, kienu fl-Istazzjon tal-ferrovija ta’ Saint-Charles, fil-belt ta’ Marsilja.

L-inċident seħħ meta l-vittmi — ilkoll Amerikani u li ma kellhom l-ebda konnessjoni mal-aggressur responsabbli — dak il-ħin kienu qed jivvjaġġaw bejn Marsilja u Pariġi.

Ir-rapporti qalu li żewġ nisa, ta’ 20 u 21 sena, ittieħdu l-isptar wara li ntlaqtu f’wiċċhom mill-aċtu, f’ħin meta huma kienu qed jistennew għal ferrovija. Iż-żewġ turisti l-oħra fil-grupp, intant, kienu trattati għal xokk, b’rapporti oħra jgħidu li huma wkoll ‘sofrew diversi ħruq mill-attakk’.

Dritt wara l-inċident, grupp ta’ membri ta’ skwadra għat-tifi tan-nirien intbagħat lejn l-istazzjon ta’ Saint-Charles – li hu fost l-aktar hubs tat-trasport attivi fil-pajjiż.

Intant, l-aċtu li ntuża fl-attakk kien imfisser bħala ‘hydrochloric acid’ iżda ma kienx hemm indikazzjonijiet li l-azzjoni setgħet kienet konnessa mat-terroriżmu.

Fl-istess ħin, il-pulizija arrestat persuna suspettata dwar l-attakk u li, bħalissa, qed tgħin fl-istħarriġ.