Il-grupp militanti Palestinjan, Hamas, qal li lest biex ixolji l-kumitat li qed imexxi Gaza u jorganizza l-ewwel elezzjoni ġenerali fit-territorju mill-2006.
Il-Hamas – entità Iżlamika — qed jaħseb ukoll biex iżid it-taħditiet mal-grupp Palestinjan rivali, Fatah, bil-għan li jirranġa l-firda ta’ bejniethom li ilha għal għaxar snin.
Dan meta r-rappreżentanti taż-żewġ gruppi Palestinjani kienu qed jiltaqgħu ma’ uffiċjali ewlenin Eġizzjani fil-Kajr – b’kelliema għall-Fatah jilqgħu tajjeb l-aħħar stqarrija mill-Hamas filwaqt li jirringrazzaw lill-Eġittu ‘għall-isforzi tiegħu’.
Azzam al-Ahmad, bħala l-kap tad-delegazzjoni tal-Fatah fl-Eġittu, qal li dan il-pass isaħħaħ l-għaqda politika fost il-Palestinjani, bil-Viċi-Kap tal-Fatah, Mahmoud al-Aloul, isejjaħ biex ikunu riżolti issues oħrajn, fosthom il-kontroll tal-aċċessi mill-fruntiera.
Il-grupp Fatah kien tkeċċa mill-Medda ta’ Gaza fl-2007 wara sensiela ta’ konfronti vjolenti. Minn dak iż-żmien ‘il hawn fallew it-tentattivi taż-żewġ entitajiet Palestinjani biex jiffurmaw gvern għall-għaqda f’Gaza u x-Xatt tal-Punent.
//= $special ?>

