Il-Pulizija fir-Renju Unit qed iżżomm tieni ragel taħt arrest bħala parti mill-investigazzjoni dwar l-isplużjoni tal-Ġimgħa fuq ferrovija tat-Tube, f’Londra, li ħalliet madwar 30 midruba.
Ir-raġel ta’ 21 sena kien arrestat f’Hounslow, fil-Punent ta’ Londra, matul il-lejl tas-Sibt u qed jinżamm fuq suspett bħala kompliċi fir-reat terroristiku inkwistjoni li seħħ fl-Istazzjon ta’ Parsons Green. L-arrest sar wara li l-pulizija, nhar is-Sibt, żammew ġuvni ta’ 18 il-sena li wkoll qed ikun suspettat b’konnessjoni mal-isplużjoni.
Fl-attakk tal-Ġimgħa, tħalliet bomba ġo vagun tal-ferrovija fl-istazzjon inkwistjoni, bl-awtoritajiet jikkonfermaw li l-isplużjoni sussegwenti setgħet ikkaġunat dmija ferm akbar. Dan fost indikazzjonijiet li l-impatt tal-bomba kien anqas minn dak mistenni.
Is-Segretarju Britanniku tal-Intern, Amber Rudd, qalet li t-tieni arrest jissuġġerixxi li kien hemm aktar minn aggressur wieħed involut fl-attakk fuq il-ferrovija — iżda żiedet li, għalissa, mhemm l-ebda provi li t-terroristi tal-ISIS kienu responsabbli mill-azzjoni.
Hi kompliet li l-investigazzjonijiet se jkomplu meta t-theddida tat-terroriżmu għar-Renju Unit tnaqqset minn livell kritiku għal ‘sever’; b’dan fisser li attakk ieħor għadu probabbli iżda mhux ‘imminenti’.
Rudd, fl-istess ħin, wieġbet għat-tħassib dwar ‘il-qtugħ fir-riżorsi tal-Pulizija li jista’ qed jaffettwa l-kapaċitajiet għal reazzjoni fil-konfront tat-terroriżmu.’ Hi sostniet li l-Gvern tagħha hu impenjat biex jaċċerta li l-qawwiet tas-sigurtà jkollhom l-għodda kollha li bihom jistgħu jikkonfrontaw lill-aggressuri.
Intant, hi qalet li s-suġġeriment tal-President Amerikan, Donald Trump, li t-terrorista responsabbli mill-attakk f’Parsons Green kien ‘fil-mira tad-detektivs ta’ Scotland Yard’ kienet ibbażata fuq l-ispekulazzjoni.
L-aħħar rapporti sostnew li l-Pulizija kienu qed ifittxu ġo dar f’Sunbury-on-Thames, f’Surrey, meta hemm indikazzjonijiet li d-dar serviet bħala residenza għall-ġuvni ta’ 18 il-sena li kien arrestat nhar is-Sibt fil-port ta’ Dover.
//= $special ?>

