Internazzjonali

‘L-aħħar ċans’ biex titwaqqaf it-traġedja tar-Rohingya

epa06183515 Rohingya Muslims enter Bangladesh near the Bangladesh-Myanmar border in Teknaf, Bangladesh, 04 September 2017. At least 87,000 members of the Rohingya Muslim minority have entered Bangladesh in the last week fleeing violence in northwestern Myanmar, a United Nations official said on 04 September 2017. EPA-EFE/STR

 

 

Il-Mexxejja attwali ta’ Myanmar, Aung San Suu Kyi, għandha ‘l-aħħar ċans’ biex twaqqaf offensiva tal-Armata li ġiegħlet mijiet ta’ eluf ta’ membri tal-komunità tar-Rohingya jaħarbu mill-pajjiż.

It-twissija nħatat mill-Kap tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, li sostna li ‘it-traġedja tal-poplu partikulari – magħmul minn Musulmani etniċi – se tilħaq livell tassew terribbli dment li Suu Kyi ma tieħux azzjoni minnufih biex trażżan ir-riperkussjonijiet’.

In-NU diġà wissiet li l-offensiva tal-Armata fi Myanmar tista’ tammonta għal kampanja ta’ tindif etniku. Dan meta l-awtoritajiet fi Myanmar qalu li qed jirreaġġixxu għall-attakki qattiela tax-xahar li għadda ‘minn militanti tar-Rohingya’ fil-pajjiż, bl-Armata tiċħad li qed timmira għal ċivili.

Il-militar ta’ Myanmar beda l-offensiva tiegħu wara li l-pulizija fl-Istat ta’ Rakhine spiċċaw attakkati minn elementi armati.

Sadanittant, Antonio Guterres tkellem qabel l-Assemblea Ġenerali tan-NU li  ssir nhar it-Tlieta  u fejn sostna li Aung San Suu Kyi għandha l-aħħar ċans biex twaqqaf l-offensiva. Dan meta hi qed tħejji diskors importanti lin-nazzjon fil-bidu tal-ġimgħa.

Guterres għamilha ċara li jekk Suu Kyi ma ddawwarx lura s-sitwazzjoni tar-Rohingya, it-traġedja umana għandha tkun kbira, bil-potenzjal li tispiċċa rriversibbli.

Is-Segretarju-Ġenerali tan-NU irrepeta li r-Rohingya għandhom jitħallew jirritornaw fi Myanmar u li ‘jidher ċar li l-militar ( fi Myanmar) għad għandu kontroll fuq pajjiżu meta żied il-pressjoni għall-azzjonijiet li qed isiru, bħalissa, f’Rakhine’.

Aung San Suu Kyi – rebbieħa tan-Nobel għall-Paċi li damet is-snin taħt arrest (fuq id-direttiva tal-Ġunta militari) f’pajjiżha – illum qed tiffaċċja kritika kontinwa dwar kif hi indirizzat il-kwistjoni tar-Rohingya.

Hi mhix se tattendi l-Assemblea Ġenerali tan-NU fi New York fejn sostniet li l-kriżi ‘ingħatat dehra żbaljata minn gelgul ta’ misinformazzjoni’. Suu Kyi kompliet li ‘aħbarijiet foloz’ qed iżidu mat-tensjoni ‘minbarra li jippromowvu l-interessi tat-terroristi’.