Internazzjonali

L-effetti ta’ ‘Irma’: Aktar minn miljun mingħajr dawl fi Florida 

‘Il fuq minn miljun resident ta’ Florida għadhom mingħajr dawl meta qegħdin jirritornaw lura għall-qerda li ħalla warajh l-Uragan Irma tul id-diversi nħawi tal-Istat Amerikan.

L-impatt ta’ Irma fuq Florida għadu jinħass ġimgħa wara u l-ħaddiema għall-emerġenzi qegħdin jistinkaw biex jirristrawraw id-dawl u utilitajiet oħra fil-Florida Keys.

Il-Gvernatur ta’ Florida, Rick Scott, qal li l-awtoritajiet, fosthom id-Diviżjoni tal-Management għall-Emerġenzi, qed jagħmel kulma jista’ fost l-isforzi biex ‘tittaffa s-sitwazzjoni għar-residenti fil-bżonn’.

L-Irma laqat bħala urugan ta’ Kategorija 4, fejn qatel, talanqas, 84 persuna – fosthom 33 fi Florida. Tmienja mill-imwiet seħħew f’dar għall-anzjani, lejn it-Tramuntana ta’ Miami, li nqatgħetilha d-dawl, bil-każ qed jgħaddi minn inkjesta kriminali.

Intant, bħalissa, qed isiru wkoll l-isforzi tas-salvataġġ għar-residenti li ma evakwawx minn Florida Keys, b’numru ta’ residenti qegħdin jirritornaw f’Key West li hi belt ewlenija ta’ dan il-grupp ta’gżejjer.