Messaġġ ta’ għaqda mill-Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fl-ewwel diskors tiegħu lill-partitarji fuq il-Fosos tal-Floriana, wara li ngħata fiduċja mit-tesserati.
Adrian Delia fakkar li fl-aħħar ġimgħat il-Kunsilliera tkellmu u tkellmu b’vuċi soda, waqt li s-Sibt tkellmu 15,000 tesserat tal-Partit Nazzjonalista u l-vuċi kienet iktar storika. Il-bidla li tgħaqqadna, u dan il-leħen tal-Partit Nazzjonalista se jkun leħen li jgħaqqadna, Oppożizzjoni soda, ta’ prinċipji, valuri u li ma tiċċaqlaq xejn quddiem dak li hu ħażin.
Iddikjara li din se tkun ukoll Oppożizzjoni kostruttiva, li tagħmel rivoluzzjoni fil-ħsieb, fejn tikkundanna dak li hu ħażin, tqum bilwieqfa u mingħajr rażan tkompli ġlieda kontra l-ħażin.
Qal li l-Partit Nazzjonalista jrid juri li m’hawnx post għall-mibgħeda, imma għat-tama, fejn il-mentalità ta’ Malta taħt assedju fl-aħħar trid tinbidel. “Irridu nirrealizzaw li dan il-pajjiż sabiħ tagħna, bla riżorsi ħlief in-nies.”
“Aħna lkoll Maltin,” qal Delia, li waqt li qal li xorta se jkun hemm lok għad-diskussjoni, mhux se jkun hemm telliefa. “Il-poplu Malti u Għawdxi se jkun rebbieħ, bħala poplu wieħed.”
Wiegħed li l-ġlieda li beda Simon Busuttil se jkompli jiġġilidha hu u l-Partit Nazzjonalista kontra l-ħażin. Imma wiegħed ukoll ġlieda b’saħħitha kontra l-mibgħeda: “Irridu nkunu flimkien, niżirgħu t-tama għal Malta aħjar, Malta bil-valuri.”
Adrian Delia temm billi qal li hu ġie fil-Partit Nazzjonalista biex jitgħallem min-nies. “Dejjem, kuljum u verament mhux biss se nkunu man-nies, imma se nkunu nies aħna. Irridu li ż-żgħażagħ jagħmlu l-Partit Nazzjonalista żagħżugħ. Irridu nixorbu l-għerf tal-anzjani tagħna, irridu li l-ħaddiema jaħdmu biex jgħixu ħajja aħjar, li l-għalliema jwettqu proċess ta’ għarfien,” iddikjara Adrian Delia.
//= $special ?>