Lewis Hamilton kompla jkabbar id-distakk tiegħu fil-quċċata tal-klassifika tas-sewwieqa wara li rebaħ il-Grand Prix ta’ Singapore. Il-Britanniku jinsab 28 punt fuq l-eqreb rivali tiegħu Sebastian Vettel, bil-Ġermaniż jispiċċa t-tiġrija tiegħu wara biss żewġ kantunieri. Dan wara inċident bejn Max Verstappen u Kimi Raikkonen li wassal biex it-tliet sewwieqa spiċċaw barra.
Hamilton ikkontrolla t-tiġrija mill-bidu sal-aħħar, b’Daniel Ricciardo jtemm it-tieni segwit minn Valtteri Bottas tal-Mercedes. Carlos Sainz tat-Toro Rosso temm ir-raba’ fl-aħjar pożizzjoni tiegħu, b’Sergio Perez tal-Force India jispiċċa l-ħames.
Jolyon Palmer u Stoffel Vandoorne spiċċaw fis-sitt u s-seba’ post rispettivament, segwiti minn Lance Stroll, Romain Grosjean u Esteban Ocon li komplew l-ewwel għaxra. B’kollox spiċċaw it-tiġrija 12-il sewwieq.
//= $special ?>