“Ma fadalx żmien għall-politika tal-assedju. Irridu nagħmlu politika bbażata fuq dak li jridu n-nies, fuq l-aspriazzjoni u t-tama tagħhom.”
Qal dan il-kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia hekk kif kien intervistat mill-preżentatur Frank Psaila fuq Net Television. Hu qal li dan hu messaġġ importanti ħafna għaliex pajjiżna għandu biss ir-riżorsa umana bħala riżorsa naturali tiegħu.
Għalhekk qal li hu jixtieq iwettaq rivoluzzjoni tal-ħsieb, li twassal għal tiġdid tal-Partit Nazzjonalista biex b’hekk igawdi wkoll pajjiżna.
Kompla li issa tibda sfida oħra li jmur għand wieħed wieħed minn dawk li m’emmnux fih jew fil-Partit Nazzjonalista biex jikkonvinċihom li l-mod ġdid tal-Partit Nazzjonalista jista’ jkun il-messaġġ tagħhom, messaġġ li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar.
Mill-ġdid wiegħed li se jibda proċess biex jinvolvi fil-ħidma tal-Partit Nazzjonalista lil dawk li sejħilhom bħala ħbieb u kollegi, li flimkien miegħu pparteċipaw fl-elezzjoni għal kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>