Lokali

FILMAT: Adrian Delia jingħata ‘ċ-ċavetta’ tal-Uffiċċju ta’ Kap

"Se nservi b'umiltà, servizz u rispett" - Adrian Delia

Il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jingħata simbolikament iċ-ċwievet tal-Uffiċċju tal-Kap fid-Dar Ċentrali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li fil-kariga l-ġdida tiegħu ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed iservi b’umiltà, servizz u rispett.

Fid-Dar Ċentrali tal-PN saret iċ-ċerimonja simbolika tal-għoti taċ-ċwievet tal-uffiċċju tal-Kap tal-PN mill-ex Kap Simon Busuttil lill-Kap il-ġdid Adrian Delia. F’din iċ-ċerimonja saru diskorsi minn Adrian Delia u Simon Busuttil li fihom iż-żewġ politiċi tkellmu dwar  ir-responsabbiltajiet li ġġib magħha din il-kariga.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia rringarzzja lil Simon Busttil għall-kontribut li hu ta bħala Kap tal-PN u sostna li din il-kariga ġġib magħha responsabbiltà kbira. Adrian Delia qal li din il-kariga ġġib diversi responsabbiltajiet u hu kien qed jidħol għaliha b’sens ta’ umiltà b’impenn li jisma’ lin-nies.

Il-Kap tal-PN qal li l-elezzjoni għal Kap tal-PN kienet l-akbar proċess wiesa’ u demokratiku li qatt sar f’Malta minn partit politiku fl-għażla ta’ Kap.

Simon Busuttil qal li l-kariga ta’ Kap tal-PN hi waħda ta’ responsabbiltà kbira partikolarment issa li fil-pajjiż reġa’ kien elett Gvern li hu mnawwar minn ġewwa bil-korruzzjoni. Hu kkritika l-mod kif il-Gvern qed jipprova jimplokka proċess ġudizzjarju fuq fatti dwar każi ta’ korruzzjoni.