Lokali

FILMAT: Adrian Delia jħabbar li kellu laqgħa ma’ Chris Said dwar kif se jaħdmu flimkien għall-PN

“Jekk il-Partit Laburista jaħseb li se jsibna dgħajjfin u mifrudin, se jgħarralu bil-kbir" - Adrian Delia

Messaġġ mill-aktar b’saħħtu dwar is-saħħa u l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, meta t-Tnejn filgħaxija kien qed jindirizza lil folla kbira li nġabret fuq il-Fosos tal-Furjana għat-tieni jum tal-Festi tal-Indipendenza organizzati mill-Partit Nazzjonalista.

Quddiem in-nies miġbura quddiemu u l-impjegati tal-Partit Nazzjonalista, li ġew mistiedna personalment minn Adrian Delia biex jattendu l-attivita’, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li qed jgħarralu min jaħseb li se jsib lill-Partit Nazzjonalista dgħajjef u mifrud.

“Jekk il-Partit Laburista jaħseb li se jsibna dgħajjfin u mifrudin, se jgħarralu bil-kbir,” qal Adrian Delia meta rrefera għall-kampanja neggattiva li l-Partit Laburista beda fuqu fl-aħħar jiem permezz ta’ stqarrijiet politiċi.

“Grazzi lil Chris Said talli aċċetta li niltaqgħu, u talli ltqajna biex niddiskutu kif nistgħu naħdmu flimkien fl-aħjar interess tal-Partit Nazzjonalista,” qal Adrian Delia għall-applaws ta’ dawk kollha preżenti.

“Grazzi lil Jason Azzopardi talli filgħodu kien il-Qorti l-ewwel xogħol u talli ħejja l-aqwa difiża għal Simon Busuttil,” żied jgħid, waqt li nnota kif min qed jaħseb li se jsib partit mifrud, se jgħarralu.

Filfatt, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien qed jitkellem fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni li hu beħsiebu jkompli, waqt li rrefera għall-mod kif filgħodu kien preżenti fil-Qorti għall-andament tal-kawża dwar l-inkjesta kriminali mitluba mill-eks-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

“Grazzi lil Simon Busuttil talli ltqajna biex nagħmlu t-transizzjoni sabiex b’mod ċivili, il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jibqa’ jiffunzjona b’mod effettiv,” qal Adrian Delia waqt li rrefera għaċ-ċeremonja simbolika ta’ aktar kmieni, fejn Simon Busuttil għadda f’idejn Adrian Delia ċ-ċwievet tal-uffiċju tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali.

Imma waqt li nsista li jeħtieġ li nwasslu lil pajjiżna lura għan-normalita’, Adrian Delia żied li dan m’għandux ikun il-bidu u t-tmiem tal-politika. Dan għaliex hemm ukoll il-ġlieda kontra l-politika tal-mibiegħda, u l-impenn favur il-politika ta’ tama, li tħares ‘il quddiem, u li tinvolvi lin-nies matul il-proċess kollu.

F’dan il-kuntest, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar il-bżonn li l-Partit Nazzjonalista jinfetaħ għal diskussjoni aktar wiegħsa, anke b’nies li mhux bilfors jaqblu ma’ dak li jkun qed jgħid il-Partit Nazzjonalista.

“Biex nirbħu l-elezzjonijiet irridu nikkonvinċu aktar nies. U biex nikkonvinċu aktar nies, irridu nisimgħu aktar nies,” sostna Adrian Delia waqt li qal li qatt m’għandna nibżgħu niddibattu ma’ min ma jaqbilx magħna. “Anke meta ma jkollniex raġun, inkunu tgħallimna,” qal Adrian Delia. “Aħna mhux dawk id-dibattiti rridu nirbħu. Aħna rridu nirbħu r-rispett tan-nies; irridu nirbħu l-konvinzjoni tan-nies li aħna trasparenti; li aħna ngħidu l-verita’; u li l-ideat tagħna għandhom mis-sewwa anke jekk ma jkunux l-aktar ideat popolari,” żied jgħid waqt li nnota li b’dan il-mod biss nistgħu nkunu kapaċi nwasslu lill-Partit Nazzjonalista fuq l-għatba tal-elezzjoni ġenerali.

“Ejja jkollna diskussjoni intelliġenti. Ejja niddibattu magħna nfusna anke jekk aħna stess ma naqblux fuq ċertu suġġetti,” appella Adrian Delia. “Għax anke jekk ma naqlux, ilkoll nafu li aħna naqblu fuq affarijiet oħra: Naqblu li dejjem għandna nkunu leali lejn il-Partit Nazzjonalista. Naqblu fuq il-valuri li l-PN huwa bbażat fuqu. Naqblu fuq il-prinċipju tal-konvinzjoni u mhux tal-konvenjenza. Mela ejja niddibattu bla mistħija quddiem kulħadd,” insista l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

B’risposta għal waħda mill-mistoqsijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tkellem ukoll dwar l-importanza tal-Kumitati Sezzjonali, u li dawn ikollhom irwol li jwasslu għand il-PN dak li jkunu qed jaħsbu n-nies.

Dwar iż-żgħażagħ, Adrian Delia appella biex ikollna l-kuraġġ li nafdawhom bit-twettieq tal-politika. “Ħalluhom jikkommettu l-iżbalji. Ħalluhom jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom stess. Jiena ċert li ż-żgħażagħ mhux se jgħaffġu, għax huma għandhom il-potenzjal biex jiġru bil-Partit Nazzjonalista, u biex il-Partit Nazzjonalista jiġri magħhom,” żied jgħid.

Adrian Delia spjega li l-Partit Nazzjonalista irid jerġa’ jsir partit żagħżugħ, b’ideat taż-żgħażagħ li jkunu ideat ta’ Malta ta’ għada, u mhux ta’ Malta tal-antik. “Irridu nkunu revoluzzjonarji,” żied jgħid Adrian Delia waqt li insista dwar politika li ma tibżax li tiżbalja, għax meta tiżbalja, titgħallem.

Għall-attivita’ attendew numru kbir ta’ ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista, u ma setax jonqos li uħud mill-mistoqsijiet ikunu dwar il-media tal-Partit, b’Adrian Delia jgħid li l-media tal-Partit Nazzjonalista ma tridx tkun media li twssal il-messaġġ ta’ ħaddieħor biss, iżda li tkun media investigattiva minnha nnifisha u aktar awtonoma fl-istejjer li tiġġenera.

Adrian Delia rringrazzja lil ħaddiema kollha tal-Partit Nazzjonalista, inkluż dawk li m’għadhomx jaħdmu mal-Partit Nazzjonalista, u rringrazzjahom għall-impenn u s-sagrifiċċju kontinwu tagħhom.