Lokali

Il-karozzi użati matul il-Presidenza u s-Summit tal-Mexxejja Ewropej f’irkant għall-Community Chest Fund

L-Erbgħa li ġej, se jinżamm irkant għall-flotta ta’ 80 karozza tat-tip BMW li, fi Frar li għadda, intużaw fis-Summit tal-Mexxejja tas-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea u waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-qligħ mill-irkant se jmur għall-Malta Community Chest Fund.

Kelliema għall-Uffiċċju tal-President kienet ikkwotata tgħid li se jkun hemm żewġ mudelli għall-irkant. L-orħos offerta għal kull karozza se tkun ta’ €30,000, jiġifieri kważi €23,000 anqas mill-prezz tal-vetturi fis-suq.

Għaldaqstant, il-prezz tal-karozzi mistenni jaqbeż it-€2.4 miljun, għalkemm parti mid-dħul se jmur biex jiffinanzja l-karozzi.

L-irkant tal-Erbgħa se jinżamm fl-MFCC f’Ta’ Qali mis-6pm ‘il quddiem.