Internazzjonali

Jerġa’ jfeġġ il-misteru ta’ Emanuela Orlandi

Il-Vatikan qed jiċħad bil-qawwa rapporti li deħru fil-midja Taljana li l-Vatikan kien nefaq ammonti kbar ta’ flus fuq il-każ ta’ Emanuela Orlandi, żgħażugħa Taljana li kienet tgħix fil-Vatikan u li għebet misterjożament aktar minn 30 sena ilu.

F’artiklu li kien pubblikat f’ La Repubblica, kienu pubblikati dak li allegatament intqal kienu dokumenti sigrieti tal-Vatikan li juru li ntefqu mal-250,000 ewro minħabba l-każ. Dan matul il-perjodu bejn l-1983 u l-1997.

Fir-rapport, intqal li l-flus kienu jintbagħtu fil-kapitali Ingliża. Skont ir-rapport, dawn il-flus kienu qed jintbagħtu għall-Orlandi.
Skont id-dokumenti fl-ispejjeż kien hemm ħlas biex iħawdu l-investigazzjoni kif ukoll spejjeż mediċi li qed jingħad kienu għal Orlandi li kienet intbagħtet Londra fejn parti mill-ħlas kien imur f’lukanda għall-bniet Kattoliċi tal-Knisja f’Londra.

Emanuela Orlandi kienet għebet fit- 22 ta’ Ġunju tal-1983. Missierha kien impjegat tal-Bank tal-Vatikan. Tul is-snin kien hemm diversi teoriji ta’ x’seta’ ġara. Il-misteru dwar il-każ kompla jikber wara li tkellem dwarha Ali Agca, it-Tork li kien ipprova joqtol lill-Papa Ġwanni Pawlu II ftit snin qabel.