F’ digriet mill-Imħallef Antonio Mizzi, il-Qorti iddeċidiet li l-proċeduri marbuta mal-investigazzjoni f’każ ta’ ksur tal-liġijiet dwar ħasil tal-flus bil-ftuħ ta’ kumpanija u kontijiet fil-Panama u pajjiżi oħra u li kienu żvelati fl-iskandlu tal-Panama Papers qed jinstemgħu bil-miftuħ. Sa issa, dawn il-proċeduri kienu qed jinstemgħu bil-magħluq.
Preżenti fl-Awla hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
Il-każ infetaħ fuq talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni u l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta ressaq provi quddiem il-Qorti. Fis-26 ta’ Lulju, il-Maġistrat Ian Farrugia iddikjara li hemm biżżejjed provi sabiex tinfetaħ inkjesta maġisterjali fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri, Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Minbarra Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri, l-accountants Brian Tonna u Karl Cini, u l-eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers Adrian Hillman, ukoll appellaw mid-deċiżjoni u qed joppponu li ssir l-inkjesta’ maġisterjali.
Id-deċiżjoni dwar dan l-appell waslet quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi, fejn il-PN talab ir-rekuża minħabba li hu miżżewweġ lill-MEP Laburista Marlene Mizzi li kienet attakkat il-kritika li saret fuq il-persuni involuti fil-Panama Papers. Il-Qorti trid tiddeċiedi wkoll dwar it-talba għar-rekuża.
It-talba għar-rekuża
Wara li l-Imħallef Mizzi iddekreta li l-proċeduri jistgħu jinstemgħu bil-miftuħ, il-media u l-pubbliku setgħu isegwu direttament it-trattazzjoni fejn l-Avukati taż-żewġ naħat ressqu s-sottomissjonijiet favur u kontra it-talba għar-rekuża.
Fis-sottomissjonijiet tiegħu, l-Avukat Edward Gatt qal li dan mhux appell iżda rikors għar-revoka u li din il-Qorti mhux il-Qorti tal-Appell Kriminali iżda l-Qorti Kriminali. L-Avukat Gatt saħaq li l-liġi lanqas tippermetti lill-Imħallef jiddeċiedi li jirrekuża ruħu f’dawn il-proċeduri partikolari.
L-Avukat John Bonello qal li l-fatt li mart l-Imħallef hi involuta fil-politika u għamlet ċertu diskorsi, m’għandhomx ikunu fattur biex l-imħallef jirrekuża ruħu u ma jismax il-kawża.
L-Avukat Stephen Tonna Lowell qal li l-kwistjoni ta’ rekuża ta’ ġudikanti fi proċeduri kriminali hu regolat minn artikli speċifiċi tal-Kodiċi Kriminali u mhux, mill-Kodiċi ta’ Proċeduri Ċivili. Qal ukoll li kieku l-Qorti tilqa’ din it-talba għar-rekuża, il-Qorti tkun qed effettivament tikser il-liġi. Fakkar li l-klijenti tiegħu, Brian Tonna u Karl Cini, m’humiex politiċi u għaldaqstant ir-raġunijiet imressqa dwar ir-rekuża tal-Imħallef Antonio Mizzi, ċertament ma japplikawx għall-klijenti tiegħu.
Fuq l-istess linja kien l-intervent tal-Professur Ian Refalo li qal li l-konsiderazzjonijiet dwar ir-rekuża ma japplikawx għall-klijent tiegħu, Adrian Hillman. Hu stqarr li Hillman mhux persuna politika iżda persuna privata li qatt ma ħadet sehem attiv kif ukoll ma weriet ebda interess fil-politika.
Fir-replika tiegħu, l-Avukat Jason Azzopardi qal li l-ġustizzja mhux biss għandha ssir imma tidher li qed issir. Hu qal li ma hemm ebda dubju fuq l-integrita’ tal-Imħallef Mizzi, però fakkar f’sentenza riċenti fejn il-Qorti laqgħet it-talba tar-rekuża ta’ Imħallef li kellu jisma’ każ dwar l-abbuż ta’ tfal minn xi membri tal-kleru. F’dan il-każ, kompla Jason Azzopardi, ma kien hemm ebda parentela iżda l-apparenza tista’ wkoll toħloq dubji minħabba li l-Imħallef sedenti kien president tal-Fondazzjoni li tmexxi ta’ Radio Marija.
Fakkar ukoll kif Imħallef oħra, minkejja li mhux obbligata mill-liġi, iddeċidiet minn qabel li ma tismax appelli f’kawżi li jinvolvu kaċċa u l-insib għaliex hi relatata bi żwieġ ma’ persuna li hi attiva ma’ Birdlife Malta.
L-Imħallef Antonio Mizzi mistenni jiddeċiedi fuq ir-rekuża il-Ħamis 28 ta’ Settembru
Preżenti fl-Awla mill-appellanti hemm il-Ministru Konrad Mizzi, Brian Tonna, Karl Cini u Adrian Hillman.
L-Avukat Jason Azzopardi qed jidher għal Simon Busuttil, filwaqt li l-Avukati Edward Gatt, Pawlu Lia, Aaron Mifsud Bonnici, Mark Vassallo, John Bonello, Stephen Tonna Lowell u Ian Refalo dehru għall-appellanti.
//= $special ?>