Raġel ta’ 28 sena mill-Maċedonja kien ikkundannat għal sentejn ħabs, sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €58 wara li ammetta li kellu mus u pepper spray fil-pussess tiegħu.
Quddiem il-Maġistrat, Marseann Farrugia, Trajan Bodgaovski ammetta li fis-sigħat bikrin tal-bieraħ filgħodu fis-Swieqi kellu fil-pussess tiegħu strument li jaqta’ u bil-ponta u li kellu fuqu sustanzi irritanti, speċifikament il-pepper spray, li huma projbiti.
L-Ispettur Trevor Micallef, li mexxa l-prosekuzzjoni, qal li l-Pulizija kienet marret fi Triq is-Sirk, fis-Swieqi, wara li rċeviet rapporti li żewġ persuni kienu qed jippruvaw jiżgassaw karozzi pparkjati.
L-Ispettur qal, madanakollu, li ma setax jakkuża lil Bodganovski u l-persuna li kienet miegħu fuq attentat ta’ serq għaliex ma kienx hemm provi biżżejjed.
L-Akkużat kien ilu jgħix ma ħuh fin-Naxxar, għal dawn l-aħħar xahrejn u kien mistenni jmur lura fil-Maċedonja fil-jiem li ġejjin.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Marseanne Farrugia qalet li l-akkużat ma kienx kredibbli meta qal li kien qed iġorr il-mus u l-pepper spray għax kien attakkat xi ġranet qabel. Kieku kien il-każ, kien isir rapport lill-pulizija jew jinħareġ xi ċertifikat mediku ta’ ġrieħi li ġarrab. Barraminhekk, “kif qalet tajjeb il-Prosekuzzjoni, Allaħares kulħadd jibda jġorr fuqu mwies u pepper spray għal li jista’ jinqala’”, tenniet il-Maġistrat Farrugia.
Bodganovski kien assistit mill-Avukat Benjamin Valenzia
//= $special ?>