Iċ-‘Check-In Hall’ tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta se jkunu qed isirulha xi xogħolijiet bħala parti mill-proġett ta’ rikonfigurazzjoni tat-Terminal, li għaddej bħalissa fl-Ajruport, b’investiment totali li jlaħħaq it-€12 miljun.
Filwaqt li din il-parti tat-Terminal diġà sarulha xi tibdiliet, fosthom ir-rilokazzjoni ta’ ċerti uffiċċji u l-installazzjoni ta’ Desk tal-Informazzjoni ġdid, fil-jiem li ġejjin se jingħata bidu għal xogħolijiet aktar sinfikanti, bi tħejjija għat-titjib tas-sistema tal-Ajruport li tipproċessa l-bagalji (Baggage Handling System).
Ix-xogħolijiet li se jsiru jinkludu wkoll t-tisbiħ taż-żona ta’ qabel l-i’screening’ tas-sigurtà u titjib fil-faċilitajiet iġjeniċi li jinsabu fil-pjan terran. Fl-aħħar kwart tas-sena, l-immodernizzar tas-sistema tal-Ajruport li tipproċessa l-bagalji se jħejji t-triq għall-installazzjoni ta’ tmien ‘Check-In Desks’ addizjonali.
Dawn mistennija jibdew jintużaw fl-ewwel kwart tal-2018 u se jgħinu lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jtejjeb l-effiċjenza fl-ipproċessar tal-passiġġieri. Min-naħa l-oħra, investiment f’teknoloġija tal-moderna X-Ray, li ser tippermetti li jsir ‘screening’ aktar bir-reqqa tal-bagalji, se jgħin biex dejjem jitħarsu l-ogħla standards tas-sigurtà.
Permezz ta’ dan l-investiment f’magni ġodda tal-X-Ray, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta se jkun qed jipprepara biex jilħaq konformità sħiħa mad-dispożizzjoni tal-European Civil Aviation Conference (ECAC), li tistipula li sal-2022 kull Ajruport Ewropew ikollu kapaċità tal-i’screening’ tal-bagalji ekwivalenti għall-Kategorija 3.
Il-proġett ta’ rikonfigurazzjoni tat-Terminal, li tnieda kważi sena ilu, diġà kien strumentali fit-titjib ta’ diversi partijiet tal-bini tal-Ajruport. Dan it-titjib jinkludi żona temporanja tal-i’screening’ tas-sigurtà akbar minn dik oriġinali, La Valette ‘Lounge’ ġdida, gallerija tal-osservazzjoni b’dehra ġdida u, aktar reċenti, l-installazzjoni ta’ magni li jaqraw il-biljetti tal-imbarkazzjoni bl-użu tal-aktar teknoloġija moderna.
//= $special ?>

